Ariful Islam, ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal 4 snin wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammitli kellu fil-pussess tiegħu pornografija li fiha jidhru t-tfal.
L-imputat kien mixli mill-Ispettur Carl Pace li wettaq dan ir-reat fl-14 ta’ Marzu li għadda u fix-xhur u s-snin ta’ qabel
Il-Qorti wara li semgħet l-ammissjoni tal-imputat, innutat li hu kellu ritratti ta’ tfajla minorenni tippoża għarwiena u rrimarkat li wera rimors għal għemilu.
Il-Maġistrat qieset li l-Prosekuzzjoni ma kinitx qiegħda titlob sentenza ta’ ħabs effettiva u r-rapport tal-ħaddiema soċjali kien jindika li hu għandu jingħata ċans ieħor.
Kien għalhekk li l-Qorti minbarra li kkunndannat sentenza ta’ ħabs sospiża ħarġet fil-konfront tiegħu ordni ta’ trattament għal 5 snin u ordnatlu wkoll jagħmel 100 siegħa xogħol fil-komunità.
Il-Maġistrat Stafrace Zammit ordnat ukoll li ismu jitpoġġa wkoll fuq ir-reġistru ta’ dawk li jinstabu ħatja li wettqu reati relatati mal-minorenni.


