Sunday, December 29, 2024

Sentejn ħabs sospiżi talli seraq 1,350 kilo laħam

Aqra wkoll

Adrian Farrugia ta’ 42 sena kellu s-sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal 4 snin ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell wara li nstab ħati li kein seraq madwar 1,350 kilo laħam mill-maħżen tal-istess kumpanija li kien jaħdem magħha.

Is-serqa kienet ġiet irraportata lill-pulizija fis-17 ta’ Jannar tal-2010 u fil-fatt u kien akkużat li f’din id-data u anke fit-tlett snin ta’ qabel kien seraq laħam iffirżat minn maħżen f’San Pawl il-Baħar.

Farrugia kien instab ħati f’April tal-2013 u dakinhar kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi u anke kien ordnat li jirrifondi €22,393 tal-laħam misruq.

Hu kien appella minn din is-sentenza fejn fl-appell hu ċaħad li kein ammetta mas-superjuri tiegħu li kien qiegħed jisraq il-laħam. Allega li kien jaf li kien hemm terzi persuni involuti fl-istess serq ta’ laħam.

Fl-appell Farrugia qal li kien ġieħ suspett f’wieħed mill-impjegati li kien responsabbli mill-ordnijiet wara li ma kienx induna li kien hemm ammont kbir ta’ laħam nieqes.

Fl-istess appell Farrugia qal li l-kumpanija kellha ħafna impjegati u għalhekk wieħed ma setax jgħid fiċ-ċert li s-serq sar minnu u mhux minn xi ħaddiem ieħor jew aktar minn hekk kien hemm żball fil-ħażna.

Iżda l-Imħallef Neville Camilleri li sema’ l-appell m’aċċettax l-argumenti ta’ Farrugia u sostna li ma kien hemm l-ebda dubju li kien l-akkużat li wettaq din is-serqa.

Fis-sentenza tiegħu l-Imħallef Camilleri qal li Farrugia kellu aċċess għall-bitħa fejn kien hemm grada msakkra u kien hu responsabbli taċ-ċwievet fejn kien hemm il-ħażna tal-laħam. Għalhekk, sostna l-Imħallef la hu kellu responsabbiltà tal-ħażna kellu jkun hu li jinduna li kien hemm xi ħaġa nieqsa.

L-Imħallef qal li Farrugia ma kellu l-ebda raġuni għaliex imur fuq il-post tax-xogħol wara l-ħin li jkunu spiċċa mill-istess xogħol u lanqas ma ta spjegazzjoni konvinċenti għaliex kien jagħmel dan. Saħaq li ma kienx jagħmel l-ebda sens li l-akkużat kien imur ix-xogħol biex iċaqlaċ il-laħam.

Il-Qorti ċaħdet l-appell ta’ Farrugia u kkonfermat is-sentenza li kienet mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati.

Ekonomija

Sport