Michele Artale, Sqalli minn Ragusa ta’ 55 sena iżda fl-aħħar snin kien jgħix l-Isla ġie kkundannat sentjen ħabs u multa ta’ €1,000 wara li ammetta li pprova joħroġ minn Malta bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-Qorti.
L-imputat kien tressaq il-Qorti flimkien ma’ raġel ieħor wara li fid-9 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra kienu ġew arrestati hekk kif kienu se jivvjaġġaw lejn Sqallija bil-katamaran.
Artale kien marbut b’kundizzjonijiet tal-Qorti biex ma jitlaqx minn Malta izda l-Pulizija kienet rċeviet informazzjoni li kien se jaħrab minn Malta.
Meta l-pulizija marru fuq il-katamaran kellmu xufier ta’ trakk u staqsewh jekk kienx hemm xi ħaddieħor fit-trakk imma huwa ċaħad.
Madankollu meta l-pulizija fittxew fit-trakk sabu lil Artale fuq sodda wara purtiera. Fil-pussess tiegħu nstabu diversi pakketti bil-kokaina u €10,000 fi flus kontanti waqt li f’daru nstabet il-kokaina.
Artale kien mixli li pprova jaħrab minn Malta, li kiser kundizzjonijiet tal-Qorti u li kellu fil-pussess tiegħu l-kokaina u l-kannabis.
Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima huwa għażel li jammetti u minbarra s-sentejn ħabs u l-multa ta’ €1,000 tilef €10,000 f’garanziji li kellu fil-Qorti b’rabta mal-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni fil-konfront tiegħu tmexxiet mill-Ispetturi Karl Roberts u Mark Anthony Mercieca waqt li għal Artale dehru l-Avukati Matthew Xuereb u Robert Vella.

