Tuesday, October 14, 2025

Sentejn ħabs talli qatel diversi qtates f’Tas-Sliema

Aqra wkoll

Okamura Satoshi, Ġappuniż ta’ 31 sena, kien ikkundannat sentejn ħabs u mmultat €15,000 wara li ammetta li qatel diversi qtates f’Tas-Sliema. 

Huwa tpoġġa taħt ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ tliet snin filwaqt li kien ipprojbit milli jkollu jew jieħu ħsieb annimali għal 40 sena. 

Is-sentenza ngħatat aktar kmieni mill-Maġistrat Nadine Sant Lia. 

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Elliott Magro.

L-Avukati Adreana Zammit u Marion Camilleri dehru għal Satoshi.

𝐒𝐞𝐧𝐭𝐞𝐧𝐳𝐚 S𝐭𝐨𝐫𝐢𝐤𝐚 𝐠ħ𝐚𝐥 𝐌𝐨ħ𝐪𝐫𝐢𝐣𝐚 𝐟𝐮𝐪 𝐥𝐀𝐧𝐧𝐢𝐦𝐚𝐥𝐢

B’reazzjoni fuq il-midja soċjali, il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina qalet li l-Qorti lbieraħ tat l-aktar sentenza twila u qawwija li qatt ingħatat f’Malta għal moħqrija fuq l-annimali. 

Minbarra l-piena ta’ sentejn priġunerija, il-multa ta’ €15,000 u l-projbizzjoni milli jżomm annimali għal 40 sena, il-Kummissarju qalet li wara li jservi s-sentenza, huwa se jkun qed jintbagħat lura pajjiżu. 

Tenniet li għalkemm Satoshi għad għandu d-dritt li jappella, dan jibqa’ mument storiku – għax għall-ewwel darba ngħatat sentenza ta’ ħabs effettiva għal moħqrija lejn l-annimali. 

“Huwa minnu wkoll li Satoshi rreżista l-arrest, u dan ġie kkunsidrat fis-sentenza, iżda jidher ċar li l-qalba ta’ din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq il-krudeltà u l-moħqrija mwettqa fuq annimali innoċenti.

“Din is-sentenza ta’ priġunerija mhix biss l-itwal, iżda wkoll l-ewwel waħda effettiva fl-istorja ta’ Malta għal moħqrija fuq l-annimali,” żiedet tgħid il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali. 

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Akwakultura, Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said iddeskriviet is-sentenza bħala pass ’il quddiem fejn jidħol il-ħarsien tal-annimali f’pajjiżna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport