Monday, May 6, 2024

Sentejn ħabs talli seraq 5 muturi u quad bike

Aqra wkoll

Seyble Grech ġie kkundannat sentejn ħabs wara li l-Qorti tal-Appell laqgħet l-appell li kien tressaq mill-Avukat Ġenerali biex tinbidel parti mis-sentenza li kien ingħata mill-Ewwel Qorti f’Ottubru li għadda. Dakinhar kien instab ħati li kien seraq ħames muturi u quad bike u dan is-serq kien seħħ bejn Awwissu u Ottubru tas-sena li għaddiey.

L-Ewwel Qorti filwaqt li kienet sabet lil Grech ħati kienet ikkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin, iżda l-Avukat Ġenerali appella minn din is-sentenza u issa l-Qorti tal-Appell kkundannatu sentejn ħabs effettivi.

Skont dak li kien ġie ppreżentat fil-Qorti, Grech kien seraq mutur minn Triq il-Baċir fl-Imsida. Imbgħad f’Settembru seraq quabdike minn Triq II-Profs J.g. Baldacchino f’Ħaż-Żabbar, u f’Ottubru seraq żewġ muturi minn Raħal Ġdid u tnejn oħra minn Birżebbuġa.

Hu nstab ħati wkoll li kien laqa’ għandu passaport Kolombjan misruq u aċċetta dan meta kien jaf li dan misruq.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li semgħet l-appell qalet li qieset il-fatt li l-akkużat mhux lest li joqgħod ‘il bogħod mill-ħajja kriminali tant li wettaq reat ieħor waqt l-andament tal-ordni tal-probation. Qalet ukoll fis-sentenza tagħha li l-Ewwel Qorti kienet korretta meta kkundannatu għal piena karċerarja iżda żbaljat meta ssospendiet il-perjodu tagħha. Kien b’hekk li l-Imħallef biddlet parti mis-sentenza.

Sport