Raġel ta’ 21 sena kien ikkundannat sentejn ħabs wara li darab żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta b’sewqan traskurat u waqt li kien fuq libertà proviżorja.
Stoyan Gafà, li huwa residenti Marsaskala, wieġeb ħati għall-akkużi li saq Mercedes mingħajr polza ta’ assigurazzjoni, li għamel ħsara fi tliet vetturi oħra, li darab lill-uffiċjali u li kiser żewġ settijiet ta’ kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fost oħrajn.
L-inċident kien seħħ fil-lejl ta’ bejn l-10 u l-11 ta’ Frar li għadda, fi Triq tal-Barrani, Ħal Tarxien. Wieħed mill-uffiċjali ta’ Transport Malta kien sofra ġrieħi gravi filwaqt li l-uffiċjal l-ieħor kien sofra ġrieħi ħfief.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Monica Vella kkundannat lil Gafà għal sentejn priġunerija.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Clive Abela u Nathan Bugeja filwaqt li l-Avukat tal-Għajnuna Legali Nadya Fiott dehret għall-imputat.
Fi proċeduri separati, Gafà jinsab mixli li kkawża l-mewt ta’ Kolumbjana f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq Mikiel Anton Vassalli, San Ġiljan, nhar lejlet il-Milied tas-sena li għaddiet.



