Saturday, April 27, 2024

Sentejn ħabs wara li seraq €2,700 minn fuq żewġ persuni f’Ħaż-Żabbar

Aqra wkoll

Stefan Demicoli ta’ 26 sena residenti Ħal Qormi ntbagħat sentejn ħabs wara li ammetta li seraq total ta’ €2,700 minn fuq żewġ persuni. Il-każi seħħew fl-24 ta’ Settembru u l-10 ta’ Ottubru 2023 f’Ħaż-Żabbar.

Demicoli kien wieġeb ħati tal-akkużi, bil-Qorti tordna li jsir pre-sentencing report qabel tagħti s-sentenza. Fir-rapport tiegħu, l-uffiċjal tal-probation stqarr fost affarijiet oħra li fiż-żmien li suppost kien qed jinbidel f’persuna matura, l-imputat baqa’ inkonsistenti u ma weriex responsabbiltà biex jiġġedded f’ċittadin onest u b’ħiliet tajba.

Minħabba din ir-raġuni, l-uffiċjal tal-probation qal li jqum id-dubju jekk l-imputat kienx persuna affidabbli jew le għax jippreżenta riskju għas-soċjetà. Kien għalhekk li rrakkomanda li huwa jingħata sentenza ta’ priġunerija effettiva għax ir-riskji li jġib miegħu għadhom preżenti u jeħtieġ li jibda jirrijabilita ruħu minn post ikkontrollat biex ikun żgurat li jwettaq proċess li minn barra qatt ma twettaq. Dan jista’ jseħħ biss ġaladarba l-imputat juri impenn u motivazzjoni li jindirizza l-problemi tiegħu.

Għal dawn ir-raġunijiet, fuq ammissjoni tiegħu stess, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Victor G. Axiak ikkundanna lil Demicoli għal piena ta’ sentejn priġunerija. Il-Qorti ħarġet ordni ta’ trażżin favur il-vittmi għal perjodu ta’ tliet snin.

Finalment il-Qorti tirrakkomanda lill-awtoritajiet tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex jagħmlu dak li huwa possibbli sabiex l-imputat jingħata l-possibilità illi jsegwi il-Prison Inmate Programme immexxi minn Caritas Malta ġewwa Baħar iċ-Ċagħaq.

Sport