Friday, April 26, 2024

SENTEJN MILL-BIDU TAL-GWERRA FL-UKRAJNA…

Aqra wkoll

Eżatt bħal-lum sentejn, l-Ewropa xxukkjat ruħha wara li r-Russja bdiet bl-invażjoni tagħha fl-Ukrajna. Din l-ivażżjoni, li ddawwret fi gwerra sħiħa, tappnet bil-kbir l-għexieren ta’ snin ta’ paċi li saltnet fil-Kontinent Ewropew. Mill-bidu tal-gwerra ‘il hawn, il-kunflitt mhux talli ma waqafx, imma intensifika ferm aktar.

Rajna u għadna naraw atroċitajiet kbar u traġedji li ħallew eluf ta’ persuni mejta jew midruba – suldati u nies ċivili – u anki saħansitra familji spustjati minn darhom għax kellhom jaħarbu u jsibu kenn f’pajjiż ieħor. Ix-xeni ta’ massakru, il-qerda f’diversi bliet Ukreni u l-ħerba li qiegħda tħalli l-gwerra għadhom iseħħu sal-lum.

Quddiem din l-aggressjoni llegali Russa fuq l-għatba tal-Ewropa, l-Unjoni Ewropea rajnieha tingħaqad ferm iżjed, anke quddiem kriżijiet oħra maħluqa minn din il-gwerra fosthom dik tal-enerġija, li daħħlet iżjed fil-fond l-inflazzjoni li affettwat il-livell tal-għajxien taċ-ċittadini Ewropej.

Għalkemm Malta ntlaqtet ukoll minn din il-kriżi, forsi mhux daqs pajjiżi oħra, il-Gvern Malti kompla jkun ta’ spalla għall-familji u n-negozji Maltin bis-sussidju fil-prezzijiet tal-enerġija u anke b’miżuri oħra intiżi li jrażżnu l-piż tal-inflazzjoni.

Min-naħa l-oħra, Malta għamlet ukoll il-parti tagħha b’turija ta’ appoġġ u solidarjetà mal-poplu Ukren. Tat kenn u laqgħet għadd ta’ Ukren filwaqt li offritilhom l-għajnuna kollha li kienu jeħtieġu. Barra minn hekk, pajjiżna għen ukoll b’metodi oħra biex itaffi kemm jista’ jkun il-ħruxijiet li l-poplu Ukren għadu qed jaffaċċja.

Dan għamlitu billi bagħtet għajnuna materjali u finanzjarja, u anke wegħdet li se tkompli tagħmel dan. Fl-istess waqt, il-Gvern Malti baqa’ konsistenti b’mod sħiħ ma dak li tgħid il-Kostituzzjoni anke quddiem talbiet mill-Ukrajna għall-armi. Minkejja dan, Malta ma dawritx wiċċha għall-weġgħat oħra tal-poplu Ukren.

Il-popli ċivili kullimkien, jafu li f’kull kunflitt armat m’hemmx rebbieħa imma telliefa biss. Dan il-prinċipju pajjiżna ilu snin li għarfu u rrikonoxxieħ. Għalhekk in-newtralita u non-allinjament ta’ pajjiżna. Ma jżomm ma’ l-ebda naħa fi gwerra iżda jkun strument ta’ paċi dejjiema u solidali ma’ u jgħin lill-vittmi innoċenti fit-tbatijiet li jkunu għaddejjin minnhom.

Kif diġa għidna, pajjiżna hekk għamel u għadu jagħmel mal-poplu Ukren u hekk ukoll qed jagħmel issa fit-treġedji umani li qed jitwettqu fil-Lvant Nofsani. Għax jemmen bis-sħiħ fil-paċi, pajjiżna qed iterraq kemm fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u anki fl-Organizazzjoni għas-Sigurta u l-Koperazzjoni fl-Ewropa sabiex tinstab soluzzjoni li ttemm il-gwerra kemm fl-Ukrajna u kemm fil-Lvant Nofsani.

Sport