Miktub Minn Maria Azzopardi
Bħal lum sentejn is-Surġent Simon Schembri kien qed jissielet għall-ħajtu. Schembri tilef idejh tal-lemin f’inċident tat-traffiku kważi fatali waqt li kien fuq xogħol wara li kien ipprova jwaqqaf lil Liam Debono ta’ 17-il sena li allegatament kien qed isuq Mercedes mingħajr liċenzja u seat belt.
“Nixtieq ngħid li dak li ġara ġara imma jien għandi motivazzjoni kbira għax inħares lejn il-ħajja fil-pożittiv għax il-ħajja hija sabiħa wisq. Irrid inkun pożittiv għax kieku ma wasaltx sa fejn wasalt illum. Nixtieq minn hawnhekk nirringrazzja lill-professjonisti tas-saħħa u lin-nies kollha li ħadu ħsiebi. Ta’ dan jien verament grat.”
Mistoqsi kif dan l-inċident biddel il-perspettiva tal-ħajja tiegħu huwa qal, “Ovvjament il-ħajja minn dakinhar tibda taraha b’mod differenti u tibda tapprezza anke l-affarijiet iż-żgħar.”
Dwar il-futur huwa qal li dan u l-pjanijiet tiegħu totalment inbidlu. “Nirringrazzja lill-Bambin li qed nieħu nifs u rrid nadatta għas-sitwazzjoni tal-lum. Ma tistax ma tkunx pożittiv meta għandek il-familja tiegħu u sħabek li huma ħafna qrib tiegħi u jagħtuni l-motivazzjoni.”
Huwa żied jgħid, “Din it-traġedja li għaddejt minnha jien isservi biex in-nies jirriflettu dwar il-fatt kemm kollox jista’ jinbidel f’sekonda u li għalhekk għandna napprezzaw kull nifs li nieħdu.”
Minn hawnhekk huwa rringrazzja lill-frontliners kollha li bħalissa qed jagħtu sehemhom fil-ġlieda kontra l-Covid-19 għax qed jagħtu servizz siewi ħafna biex pajjiżna tassew ikompli miexi ‘l quddiem.


