Tuesday, April 30, 2024

SENTEJN TA’ BIDLA F’MOĦĦ U QALB IL-MALTI

Aqra wkoll


L-ewwel sentejn ta’ Robert Abela kienu sentejn li żgur ma kienu xejn faċli. Min jgħaddi minn esperjenzi simili bl-Ingliż ngħidu li jkun għadda minn “baptism of fire”, għax malli jidħol fix-xogħol mal-ewwel isib sfidi diffiċli li jkunu jridu jiġu indirizzati. Ngħiduha kif inhi, dawn is-sentejn preżentaw diversi sfidi: mill-pandemija, għal problemi oħrajn li ma kinux tal-għamla tal-Prim Ministru Robert Abela nnifsu, imma li ġew minn snin preċedenti. Uħud minn dawn il-problemi li kienu ilhom preżenti fis-soċjeta’ Maltija għal għexieren ta’ snin. Oħrajn huma relativament ġodda. Imma soluzzjonijiet hemm bżonn għat-tnejn li huma: xi ħaġa li l-Prim Ministru ma naqasx milli jindirizza b’wiċċu minn quddiem.

Għalkemm mhux faċli li wieħed iżomm u saħansitra jżid fil-popolarita’ tal-Partit Laburista meta jkun irid jieħu deċiżjonijiet diffiċli, deċiżjonijiet li joqorsu u li jafu jweġġgħu, hekk għamel Robert Abela fl-aħħar sentejn. Is-saħħa tiegħu fil-Partit u fil-Gvern użaha biex iġib bidla pożittiva, billi neħħa l-elementi negattivi li kienu preżenti fil-Partit, u kif ukoll introduċa nies ġodda u innovattivi fil-politika. Dan fl-istess waqt ukoll li kompla jdaħħal riformi mingħajr preċedent, speċjalment fejn tidħol is-saltna tad-dritt.

Kellu jaffaċċja wkoll il-Greylisting, li żgur ma kienx frott xi ħaġa li għamel hu, anzi, kien soppa mħawwda, u mħawwda sew ta’ żbalji politiċi mill-passat riċenti u l-kultura rampanti Maltija ta’ ħlas ta’ taxxa a la carte, jekk irridu nkunu rotob bi kliemna. Madanakollu, għalkemm Robert affaċċja dawn l-isfidi kollha, ra li jindirizzhom bl-aħjar mod possibbli, u b’effiċċjenza liema bħala. Qatt ma beża’ jiltaqa mal-imsieħba soċjali, u l-mistoqsijiet qatt ma ħarab minnhom.

Kienu sentejn fejn kollox mar perfett? Le. Imma s-sabiħ ta’ Robert huwa li dan anke hu jammettieħ. Fi żmien fejn fuq il-media soċjali, kulħadd iħobb jiproġetta lilu nnifsu b’ċertu perfezzjoni mingħajr ma jagħmel hekk fil-ħajja privata tiegħu, fejn kulħadd jipprova jidher saqajħ ma’ l-art b’element sfurzat u anke koreografiku, l-imperfezzjoni ta’ Robert nemmen li kienet il-ħaġa li dan il-pajjiż kellu bżonn biex jerġa jsib saqajħ.

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar inħoss li f’dinja fejn kulħadd qed jimxi lejn l-idealiżmu, huwa mportanti wkoll li nkunu realistiċi fuq dak li rridu nagħmlu. Robert naħseb li jolqot bilanċ tajjeb bejn l-idealiżmu li jimbuttana nkunu aktar ambizzjużi, u r-realiżmu tant bżonnjuż. 

Fl-aħħarnett, ma nistgħax ma nikkonkludix billi ngħid li Robert għandu xeħta ta’ dak li bl-ingliż insejjħulu “strong leader”. F’pajjiż fejn ħafna drabi l-bidla trid tiġi minn fuq, u mhux minn isfel, dan jista’ jwassal għal tibdiliet fil-kultura u fil-mentalita’, jekk ikun hemm ir-rieda. Milli rajt dawn l-aħħar sentejn, ir-rieda hemm qiegħda, u jekk ħaddieħor il-pożizzjoni ta’ Prim Ministru Robert użaha biex jibdel wiċċ Malta, Robert qed jużaha biex jibdel il-mentalita’, il-moħħ u l-qalb tħabbat ta’ dan il-pajjiż. Tislijiet lil kulħadd.

Sport