Friday, November 22, 2024

Sentejn u nofs ħabs għal Niġerjan ħati li gidem imnieħer ta’ raġel ieħor

Aqra wkoll

Niġerjan ta’ 40 sena li jgħix Ħaż-Żabbar ġie kkundannat sentejn u nofs  ħabs wara li nstab ħati li gidem raġel ieħor f’imnieħru waqt ġlieda bejniethom fl-istess lokalità.

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, Ehis Imobhio kien mixli li fit-28 ta’ Diċembru 2021 ħebb għal raġel ieħor, li heddu u li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied. Min-naħa tiegħu l-akkużat wieġeb li hu ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. 

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Maġistrat Montebello kkunsidrat il-fatt li kemm l-imputat u kif ukoll il-vittma sofrew minn ġrieħi fil-ġlieda li kellhom bejniethom. Il-Qorti qieset ukoll il-fatt li l-vittma tilef biċċa żgħira minn imnieħru u kellu xufftejh imċarrta. 

Il-Qorti kkunsidrat ukoll il-fatt li xhud li ra l-ġlieda qal li kien il-vittma li beda jattakka lil akkużat, hekk kif dan tah daqqtejn ta’ ponn.

Il-Maġistrat Montebello kkundannat lil Ehis Imobhio sentejn u nofs priġunerija. Fl-istess waqt inħarġet orn ngħata ukoll ordni ta’ trażżin kontra l-imputat u favur il-vittma għal perjodu ta’ tliet snin. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Darren Buhagiar u Gabriel Kitcher.

Sport