Raġel ta’ 50 sena li huwa soċju tal-mużew ġie kkundannat sentejn u nofs priġunerija wara li tressaq il-Qorti mixli li abbuża sesswalment minn tifel ta’ 11-il sena fil-baħar.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Joesph Busuttil spjega li l-każ imur lura għal perjodu ta’ bejn l-2017 u l-2018, meta allegatament l-akkużat, Kevin Mifsud mess lit-tifel waqt li dawn kienu l-baħar.
Ġie spjegat li l-vittma kien qiegħed ibati minn ‘post traumatic stress disorder’ u li minħabba l-istess raġuni huwa ġie rreferut biex jitkellem ma’ psikoloġika. Ingħad ukoll li waqt li l-psikologa ppruvat tkellem lit-tifel biex tara kif qed iħossu, it-tifel spjega li s-soċju tal-mużew kien qed imissu waqt li jkun fil-baħar.
Wara li t-tifel ta din l-ispjegazzjoni, bdiet l-investigazzjoni tal-Pulizija u Mifsud tressaq il-Qorti. Fil-Qorti, missier it-tifel spjega li meta Mifsud kien se tiressaq il-Qorti, hu ġie offrut mid-Delegat tal-Mużew jekk għandhomx bżonn xi flus għal għajnuna psikoloġika.
Fil-Qorti, il-ġenituri tat-tifel taw spjegazzjoni fil-Qorti, fejn spjegaw li ndunaw li t-tifel kellu xi ħaġa ħażina hekk kif dan beda jmur ħażin fl-eżamijiet. Il-ġenituri nnutaw ukoll li t-tifel kien qed ikollu biżá kbira meta jara l-vann tal-mużew.
Xehed ukoll il-vittma, li llum għandu 17 -il sena, fejn ta spjegazzjoni li kull nhar ta’ Ħadd, kien iħobb imur il-baħar ma tal-Mużew. Kien hawn, fejn il-vittma spjega li meta kienu jkunu fil-baħar is-soċju, kien idaħħal idu ġol malja u jmisslu l-warrani.
Qal ukoll li minħabba l-istess raġuni, dan kien qed jilbes qalziet ta’ taħt taħt il-malja. Żied li Mifsud baqa’ jaġixxi hekk kull darba li kienu jkunu l-baħar. Xehed ukoll li għalkemm ma kienx irid imur il-mużew, il-ġenituri kienu jġegħluh imur.
Iż-żagħżugħ żied li beda jitkellem dwar dak li ġralu meta darba sema soċju tal-MUSEUM jgħid li s-soċji kollha huma nies tajba. Fil-Qorti, xehdet ukoll social worker, li spjegat li l-akkużat kellu każ preċedenti ta’ pornografija tat-tfal.
Wara li semgħet il-provi, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li pprosediet il-każ, qalet li li l-akkużat minn dejjem ammetta dak li għamel imma qatt ma wera rimors.
Il-Maġistrat Stafrace Zammit iddeskriviet il-verżjoni tat-tifel bħala waħda kredibbli u rrimarkat li dak li għamel Mifsud fuq it-tifel, ħalla impatt kbir fuq il-vittma. Kien għalhekk li l-Qorti sabet lis-soċju tal-Mużew ħati u ġie kkundannat sentejn ħabs.
Huwa ġie ordnat sabiex jingħata trattament għal perjodu ta’ ħames snin. Il-Qorti ordnat ukoll sabiex ismu jitniżżel fir-reġistru ta’ dawk li jabbużaw mit-tfal.