Shania D’Amato ntbagħtet sentejn u nofs ħabs wara li nstabet ħatja li tliet snin ilu ppruvat tisraq minn banka tal-lottu f’San Pawl il-Baħar.
Il-prosekuzzjoni, immexxija mis-Supretendent Fabian Fleri u mill-Ispettur Lydon Zammit fil-Qorti qalet li l-każ seħħ fid-29 ta’ Novembru tal-2019 għall-ħabta tal-10.45pm fi Triq il-Merluzz f’San Pawl il-Baħar. D’Amato pprovat twettaq din is-serqa flimkien ma’ mara oħra, li isimha ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti.
L-akkużata ġiet mixlija wkoll u nstabet ħatja li dakinhar żammet lil mara fil-ħanut kontra r-rieda tagħha, li kisret l-ordnijiet ta’ probation, li rrendiet ruħha riċediva u li kienet kompliċi f’serq ta’ mobile.
Apparti l-piena ta’ ħabs, il-Qorti ordnat lil D’Amato biex tħallas nofs l-ispejjeż tal-Qorti. Is-sentenza ngħatat mill-Maġistrat Ian Farrugia.