Raġel ta’ 43 sena residenti San Pawl il-Baħar, weħel sentejn u nofs ħabs flimkien ma’ multa wara li ammetta li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kannabis, li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.
Awal Mohammed, minn Sierra Leone, kien mixli li wettaq dan ir-reat nhar it-13 ta’ Novembru li għadda u li sar riċediv. Għall-bidu huwa ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih imma aktar tard għażel li jammetti.
Mix-xhieda li tressqu fil-Qorti tal-Maġistrati rriżulta li fit-tali data, diversi uffiċjali mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga għamlu spezzjonijiet fl-inħawi ta’ Fra Ben. L-akkużat twaqqaf fl-imsemmi post u saritlu tfittxija minħabba li aġixxa b’mod stramb fejn beda jagħmel ċertu sinjali lil persuna oħra.
L-imputat kellu fil-pussess tiegħu erba’ boroż tal-plastik żgħar b’sustanza ta’ kulur ħadrani flimkien ma’ żewġ mowbajls li kellhom ammont ta’ messaġġi relatati mat-traffikar tad-droga.
Minn tfittxija li saret fir-residenza tal-imputat instabu erba’ basktijiet kbar mimlija bid-droga kannabis u żewġ blokok kannella. Fil-vettura tiegħu nstabet kaxxa tal-panadols mimlija boroż żgħar bil-kannabis.
Meta ġiet biex tingħata s-sentenza, il-Qorti kkunsidrat il-fatt li l-imputat irreġistrat ammissjoni fil-fażi aħħarija tal-proċeduri, in-natura serja tal-offiżi, u ċ-ċirkostanzi tal-każ fejn fost l-oħrajn kien hemm ammont konsiderevoli ta’ kannabis fil-pussess tiegħu.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, filwaqt li sabitu ħati tal-akkużi, ikkundannatu sentejn u nofs ħabs, u multa ta’ €4,000.
Ingħad ukoll li fid-dawl ta’ dak li rriżulta mis-Social Inquiry Report dwar l-akkużat, l-imputat għandu jibqa’ jingħata s-sapport mill-Correction Services Agency, u mhux eskluż li jingħata support ieħor li jkun meqjus neċessarju mill-professjonisti.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mark Anthony Mercieca u Alfredo Mangion.