“Filwaqt li b’xorti tajba, f’dan l-inċident ma kien hemm ebda sinjal ta’ theddid għas-saħħa u l-għajxien tas-sajjieda Maltin, din is-sentenza wriet kemm kellu raġun il-Gvern li jisħaq mal-Unjoni Ewropea fuq il-bżonn ta’ aktar sigurtà għas-sajjieda Maltin u Għawdxin.”
Qalet dan is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said meta mitluba minn talk.mt tikkummenta dwar id-deċiżjoni tal-Qorti li ngħatat l-Erbgħa waranofsinhar fejn Kaptan Tuneżin instab ħati li stad fl-ibħra Maltin illegalment.
Mustapha Hancha ta’ 29 sena, li huwa l-Kaptan tal-bastiment Mohamed Chiheb li jtajjar il-bandiera Tuneżina kien ikkundannat multa ta’ €10,000 wara li ammetta għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu, li kienu relatati ma’ sajd illegali. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska ta’ tagħmir li kien hemm abbord il-bastiment.
Dan is-sit jinsab infurmat illi l-Kaptan ħallas il-multa imposta mill-Qorti fi żmien stipulat u għaldaqastant il-bastiment seta’ jitħalla jsalpa minn pajjiżna.
Sadanittant, fil-kummenti tagħha, is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said innutat li dan l-arrest sar grazzi għall-ħidma ta’ diversi entitajiet: l-Ispetturi Maltin u Barranin abbord il-Lundy Sentinel: l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, li pprovdiet dan il-vapur: Id-Dipartiment tal-Akwakultura u s-Sajd, li għenu fl-interċettar u l-waqfien ta’ dan il-bastiment. Hija rringrazzjathom tal-ħidma tagħhom u wiegħdet li se tkompli tiddjaloga mal-esponenti kollha għal iktar inizjattivi produttivi.
Bugeja Said kompliet tgħid li “l-protezzjoni ta’ din l-industrija, u l-ħarsien tal-għajxien tas-sajjieda kollha Maltin u Għawdxin, kienet u tibqa’ prijorità assoluta għal dan il-Gvern. Kien għalhekk li għal diversi snin, ir-rappreżentati Maltin fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej talbu ripetutament għal iktar protezzjoni fl-ibħra ta’ madwarna. Kuntenti ngħidu li l-frott ta’ din il-ħidma, qiegħed diġà b’mod evidenti jissarraf, u qiegħed jiġi rikonoxxut mill-poplu Malti u Għawdxi kollu.”
Finalment tenniet il-messaġġ tagħha lil dawk kollha li qegħdin jaqilgħu l-għajxien minn fuq il-bċejjeċ tagħhom biex ikomplu jsegwu l-liġijiet u l-istruzzjonijiet kollha mogħtija mill-entitajiet responsabbli, kif fil-fatt jagħmlu l-maġġoranza assoluta tagħhom.
“Lil dawn ngħidilhom li l-Gvern se jkompli jkun it-tarka tagħkom, biex naħdmu flimkien spalla ma’ spalla, għall-ġid ta’ kulħadd,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari.