Saturday, December 21, 2024

Sentenza mnaqqsa għal raġel involut f’overdose fatali ta’ tfajla

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell Kriminali biddlet sentenza li kien ingħata Lawrence Attard għas-sehem tiegħu fil-mewt ta’ Theresa Agius fl-1999 u fuq it-traffikar u l-pussess tal-eroina minħabba dewmien biex jingħalaq il-każ.

Agius, li kellha 20 sena, tilfet ħajjitha b’doża eċċessiva ta’ eroina allegatament mixtrija minn Ħ’Attard f’Ottubru tal-1999. Hija kienet rappurtata nieqsa u ġisimha eventwalment instab fil-baħar.

Lura fl-2013, Attard, magħruf bħala Wenzu l-Għawdxi, kien instab ħati ta’ omiċidju involontarju u li forna l-eroina u kien ikkundannat sitt snin ħabs flimkien ma’ multa ta’ €10,000.

Sentejn ilu ċertu Joseph Azzopardi magħuf bħala z-Zikizokk kien ukoll instab ħati li ta d-doża fatali lil Agius u nstab ħati ta’ qtil, bid-deċiżjoni tkun ikkonfermata fl-appell fl-2018.

Intant, wara li nstab ħati, Attard kien appella mis-sentenza, bl-Imħallef Edwina Grima tosserva li dan il-każ ħa xejn inqas minn 21 sena biex wasal f’dan l-istadju. 

L-Imħallef Grima nnotat li ma kien hemm l-ebda dubju li Agius kienet marret għand l-akkużat u ċertu Philippa Chircop biex tixtri d-droga qabel mietet u kienet tagħmel dan regolarment. Diversi xhieda kienu kkonfermaw li Agius ma kinitx taf kif tamministra d-droga hi stess u għalhekk ġiet injettata minn Joseph Azzopardi.

L-Imħallef innotat ukoll li l-appell ġiet quddiemha f’Jannar tal-2019 wara li kien ippresedut minn Imħallef ieħor u mbagħad kellu jerġa’ jinstema’ minħabba żball legali li sar mill-ewwel Qorti.

Hija qalet li dan id-dewmien kellu jittieħed inkosiderazzjoni iżda fl-istess ħin ma setax jissarraf f’nuqqas li l-parti ħatja jħallas għall-għemejjel tiegħu. Filwaqt li osservat li Attard biddel ħajtu, l-Imħallef Grima qalet li sentenza ta’ ħabs għal traffikar ta’ droga kienet obbligatorja. 

Waqt li kkunsidrat iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, il-Qorti qalet li se tagħti piena li tirrifletti l-ksur tad-drittijiet tiegħu kif ukoll għall-azzjoni kriminali li wasslet għall-mewt ta’ mara żagħżugħa. 

Kien għalhekk li naqqsietlu l-piena għal sentejn ħabs u multa ta’ €1,000, biż-żmien li huwa għamel taħt arrerst preventiv kellu jitnaqqas mit-terminu ta’ ħabs. 

L-Avukat Edward Gatt deher għal Lawrence Attard. 

Ekonomija

Sport