Michael Robert Davies, Skoċċiż ta’ 39 sena, kien ikkundannat sentenza sospiża wara li ammetta li weġġa’ ħafif lis-sieħba tiegħu f’lukanda fil-Mellieħa.
Kien il-Ħamis li għadda, għall-ħabta tat-8.30 p.m., meta l-Pulizija ġew infurmati li kienu mitluba jassistu fil-Luna Hotel wara li rriżulta li kien inqala’ argument bejn koppja li ġiet Malta għal btala fil-jum ta’ qabel.
L-Ispettur Omar Zammit, li mexxa l-Prosekuzzjoni, spjega li l-imputat kien allegatament ħebb għas-sieħba waqt li kien fis-sakra bil-konsegwenza li din sofriet ġrieħi ħfief. L-Ispettur Zammit talab għal mandat t’arrest fil-konfront tal-imputat u dan eventwalment kien arrestat is-Sibt.
Davies tressaq fil-Qorti l-Ħadd mixli li kkaġuna lill-vittma biża’ li se tintuża vjolenza kontriha, li weġġagħha ħafif, li insulentaha u pprova juża forza kontriha.
Huwa wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Fis-sottomissjonijiet dwar il-piena, il-Prosekuzzjoni qalet li temmen li fiċ-ċirkostanzi, sentenza effettiva ta’ ħabs ma kinitx waħda ideali u li kienu qed iħarsu lejn sentenza sospiża u ordni ta’ trażżin favur il-vittma. Intqal li l-imputat għandu fedina penali netta u li kien se jitlaq mill-pajjiż nhar l-Erbgħa li ġej.
Il-Maġistrat Gabriella Vella, filwaqt li sabet lill-imputat ħati tal-akkużi, ikkundannatu sena ħabs sospiżi għal sena filwaqt li ħarġet ordni ta’ trażżin favur il-vittma għal perjodu ta’ erba’ snin biex ma jersaqx lejha jew javviċinaha.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali Martina Herrera dehret għal Davies.

