Raġel mill-Guinea ta’ 31 sena ġie kkundannat 9 xhur ħabs sospżi għal sena u nofs wara li tressaq il-Qorti fejn wieġeb ħati li għamel użu minn dokument falz.
Kamara Mamadi kien arrestat il-Ġimgħa wara li nstab fil-pussess ta’ dokument falz waqt spezzjoni li saret għall-għarrieda mill-Pulizija tal-Immigrazzjoni u l-RIU fil-Marsa.
L-Ispettur Karl Roberts spjega fil-Qorti li Mamadi għamel ukoll dikjarazzjoni falza dwar l-istess dokument meta kien mitkellem mill-pulizija. Huwa qal li ma jistax jifhem kif kellu dan id-dokument meta kellu dokumenti oħra leġittimi.
Mill-investigazzjonijiet tal-pulizija rriżulta li r-raġel kien xtara d-dokument falz għal €400.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana sabet lill-imputat ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u kien ikkundannat sentenza sospiża. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tad-dokument falz.
L-Avukat Mark Mifsud Cutajar deher għal Mamadi.