Anzjan ta’ 75 sena residenti Ħal Għaxaq kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati li ħalla kelb tar-razza Husky f’kundizzjoni tant ħażina, tant li lanqas felaħ iqum fuq saqajh.
Fil-Qorti, ġie spjegat li l-każ seħħ f’Awwissu tal-2022 meta l-anzjan Anthony Desira kien mixli li żamm annimali u ma kienx qed jieħu ħsiebhom sewwa u li ġiegħel annimal isofri.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Elliot Magro spjegat li l-Pulizija bdiet investigazzjoni wara li xi uffiċċjali tal-ħarsien tal-annimali sabu l-kelb ġo kamra tal-injam.
Fix-xhieda tagħhom fil-Qorti, l-uffiċċjali tal-annimali spjegaw li mill-ispezzjoni illi għamlu jiriżulta li l-kelb tar-razza Husky kellu ħafna insetti mal-ikel tiegħu u li kellu ħafna suf magħqud.
Ingħad ukoll li l-kelb tant kemm ma kienx b’saħħtu fuq saqajh, li meta l-uffiċċjali tal-annimali ppuvaw iqajjmuh dan beda jdur għalihom u saħansitra spiċċaw ħarġuh minn fejn kien fuq strecher.
Wara li semgħet din ix-xhieda, il-Maġistrat Gabriella Vella rrimarkat li għalkemm l-uffiċjali qalu li l-kelb kien muġugħ, hija rrimarkat li ma rriżultax li l-kelb kellu daqqiet jew feriti. Kien għalhekk li ma sabitux ħati ta’ moħqrija.
Meta ġiet biex tagħti l-piena qieset, fost oħrajn, l-età tar-raġel u kien għalhekk li kkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal 4 snin waqt li ċaħdet it-talba tal-prosekuzzjoni biex tipprojbixxi lill-anzjan milli jżomm annimali.

