Thursday, October 9, 2025

Sentenza sospiża għal Justin Haber u multa ta’ €7,000 fuq fastidju sesswali fuq tifla ta’ 14-il sena

Aqra wkoll

Justin Haber, ingħata sentenza ta’ ħabs sospiża u multa ta’ €7,000 wara li nstab ħati li ta fastidju sesswali lil tfajla ta’ 14-il sena. Il-każ seħħ bejn l-2020 u l-2022 meta l-istess tfajla kienet taħdem f’restorant li jmexxi l-imputat. 

Il-Qorti sabitu ħati li wettaq atti, kliem u imġiba li ma kinux mixtieqa mill-vittma u li setgħu jiġu meqjusa bħala offensivi, intimidanti u degradanti. 

L-Ispettur Kylie Borg xehdet kif f’Awwissu 2022 rċeviet rapport minn Aġenzija Appoġġ wara informazzjoni li tfajla kienet se tidħol f’relazzjoni sesswali mal-imputat.

Hekk kif bdew l-investigazzjonijiet, il-Pulizija sabu diversi messaġġi fuq il-mobile kemm tal-imputat u anke tal-vittma li fihom kien hemm allegazzjonijiet li Haber kien mess il-warrani tal-vittma. Haber anke talba bewsa mingħand il-vittma li din spiċċat saret fuq ix-xofftejn u anke talab ritratti kompromettenti. Hu kien saqsa wkoll dwar il-verġnitità tagħha.

Fix-xhieda tagħha l-vittma qalet li Haber kien offrilha li tqatta’ xi ħin miegħu weħidha fosthom id-dar tiegħu u anke fuq id-dgħajsa. 

Meta kien mitkellem mill-Pulizija, Haber ċaħad kollox u anke li bagħat xi messaġġi. Meta kien intwera l-messaġġi kien qal li dawn huma miktubin wisq tajjeb għalih minħabba li hu dislessiku.

Iżda mal-Pulizija hu ammetta li kien bies lill-vittma u anke ammetta li messilha l-warranin. Hu kien ammetta wkoll li kien staqsiha dwar il-verġinità tagħha.

Haber kien ċaħda li hu stedinha d-dar u anke li jeħodha fuq id-dgħajsa hekk kif hu lanqas għandu waħda.

Il-vittma xehdet permezz ta’ video conferencing u spjegat kif kienet tibża’ minnu għax kien juri rabja meta ma tagħmilx kif irid hu, iżda baqgħet taħdem hemm minħabba li kellha bżonn il-flus.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qieset li l-imġiba ta’ Haber kienet mhux xierqa għal ambjent tax-xogħol, speċjalment minħabba l-pożizzjoni tiegħu bħala persuna li timpjega minorenni.

Ir-rabta bejn l-awtorità tiegħu u l-vulnerabbiltà tal-vittma ġiet ikkunsidrata bħala element aggravat. Il-Qorti rrifjutat ukoll l-argument td-difiża li l-imġiba kienet frott relazzjoni ta’ familjarità bejn l-impjegati. Justin Haber, li kien wieġeb mhux ħati għall-akkużi, instab ħati u ġie kkundannat sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin, immultat €7,000, ingħata ordni ta’ trażżin għal tliet snin favur il-vittma u ġie ordnat li ismu jiddaħħal fir-Reġistru tal-Offenders.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport