Kolumbjana ta’ 32 sena kienet ikkundannata sentenza sospiża b’rabta mal-omiċidju involontarju tal-ħabiba tagħha f’inċident tat-traffiku.
L-inċident seħħ nhar is-27 ta’ Awwissu 2024, għall-ħabta tal-10.45 p.m., fi Triq tat-Tabija, Rabat, Malta.
Karol Yiset Bello Marin kienet mixlija li bi traskuraġni kkaġunat il-mewt ta’ Cristi Alejandra Robles Valderrama.
Hija kienet mixlija wkoll li saqet mutur tal-għamla Honda b’mod traskurat, mingħajr ma kellha liċenzja jew polza ta’ assigurazzjoni u li kienet taħt l-influwenza tax-xorb.
Għall-ewwel Marin kienet ċaħdet l-akkużi miġjuba kontriha imma f’Ġunju li għadda wieġbet ħatja.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, ħadet kunsiderazzjoni tan-natura serja tal-akkużi li bihom tinsab mixlija l-imputata u l-fatt li għandha fedina penali netta f’pajjiżna.
Il-Qorti qieset ukoll li mill-pre-sentencing report irriżulta li Marin kellha tfulija u edukazzjoni tajba fil-Kolumbja u li ġiet Malta biex tistudja l-Ingliż. Intqal ukoll li hija kellha l-appoġġ tal-familja tagħha f’pajjiżha u anke tas-sieħba tagħha.
Minn dan ir-rapport ħareġ ukoll li l-mara kellha fedina penali netta, għandha mpjieg u taħdem mid-dar minħabba l-problemi ta’ mobilità wara l-inċident. Barra minn hekk, dan l-inċident kien ħalla impatt psikoloġiku qawwi fuqha.
Madanakollu, hija aċċettat ir-responsabbiltà u tħossha ddispjaċuta għal dak li ġara iżda s’issa għadha ma tkellmitx mal-familjari tal-vittma.
L-Uffiċjal tal-Probation li segwiet lill-imputata qalet li filwaqt li ordni ta’ servizz fil-komunità kien ikkunsidrat, dan ma kienx meqjus fattibbli fiċ-ċirkostanzi meta jiġu kkunsidrati l-problemi mediċi tagħha.
Kien għalhekk li l-Uffiċjal tal-Probation irrakkomandat li l-imputata tingħata sentenza ta’ priġunerija sospiża, bil-Qorti taqbel ma’ dan u kkundannatha sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Il-Qorti skwalifikat lil Marin milli tikseb jew ikollha liċenzja għal perjodu ta’ 24 xahar. Dan filwaqt li kienet ordnata tħallas €5,430 fi spejjeż tal-Qorti.

