Tuesday, December 24, 2024

Sentenza sospiża għal Niġerjan fuq frodi romantiku

Aqra wkoll

Niġerjan ta’ 41 sena ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati ta’ frodi u ħasil ta’ flus. Huwa kien ordnat ukoll biex fi żmien sena jirrifondi €3,500 lil mara li mingħaliha kienet f’relazzjoni ma’ suldat Amerikan fl-Afganistan u li bagħtitlu somma flus wara li wegħda li kien ġej Malta. 

Johnson, flimkien ma’ numru ta’ persuni oħra kien mixli li fil-11 ta’ Awwissu 2020, u fix-xhur ta’ qabel, iffrodaw lill-mara billi tawha x’tifhem li kienet f’relazzjoni ma’ suldat Amerikan stazzjonat l-Afganistan. L-akkużi kienu fuq frodi romantiku, bil-vittma mingħaliha kienet f’relazzjoni ma’ persuna, u li iżda b’qerq kienet qed tiġi manipulata minn ħaddieħor u spiċċat iffrodata.

In-Niġerjan kien inġieb Malta mill-Ingilterra fuq mandat ta’ arrest Ewropew fejn qal fi-Qorti li huwa jaħdem bħala xufier fuq il-fork-lifters. Dan huwa każ relatat ma’ numru ta’ Niġerjani li kien tressqu s-sena li għaddiet u għaddew proċeduri meta kienu tressqu l-Qorti b’rabta ma’ allegat “romance fraud”.

Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech irrimarkat li huwa aġixxa ma’ oħrajn biex sfruttaw il-ħniena u l-ġenerożità li wriet il-mara.

Il-Maġistrat Frendo Dimech ordnatlu wkoll iħallas €1,858 fi spejjeż tal-Qorti kif ukoll ordnat ukoll li jiġu ffriżati tal-assi immobbli u mobbli li għandu. Mill-investigazzjonijiet illi saru, l-prosekuzzjoni qalet li rriżulta li r-raġel kien ħarab minn Malta biex jaħrab dawn ir-reati. Għalih kienet qed tidher l-Avukat Rachel Tua.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Abigail Caruana Vella, Sean Xerri de Caro u Karl Muscat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Claire Borg u Sarah K Zerafa.

Ekonomija

Sport