Raġel ta’ 30 sena residenti San Ġiljan, li fil-Qorti ntqal li ilu dipendenti fuq id-droga kokaina għal dawn l-aħħar 12-il sena, ġie kundannat 18-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn kif ukoll multa ta’ €500, wara li ammetta li għamel diversi atti ta’ vjolenza domestika fuq ommu.
Fil-qorti ntqal li l-vjolenza kienet primarjament psikoloġika u morali, bil-konsegwenza li l-omm kienet spiċċat tissakkar fil-kamra tas-sodda tagħha minħabba l-biża’ li kienet qed tgħix fiha.
Il-każ seħħ nhar it-Tlieta li għadda għall-ħabta tal-10.00 a.m. meta l-imputat uża pressjoni u intimidazzjoni sabiex jisforza lil ommu tagħtih il-flus, u b’hekk ikkawżalha offiża gravi kemm fiżika kif ukoll psikoloġika.
Kien ħuh li għamel rapport l-Għassa tal-Pulizija fejn fost l-oħrajn allega li l-vizzju tal-kokaina u li l-imġiba tiegħu kienet ilha tqanqal biża’ serja fid-dar tal-familja.
Skont ħuh, kienet l-omm stess li bdiet tagħmel kuntatt miegħu għax ma felħlix aktar għall-aġir tal-akkużat, l-aktar meta kien qiegħed jirritorna d-dar taħt l-influwenza tad-droga. Allega li f’dan il-mumenti hu kien jibda jkisser kullma jsib quddiemu.
L-omm kienet anke bdiet tissakkar fil-kamra tas-sodda tagħha biex tipproteġi ruħha, filwaqt li fuq WhatsApp, l-akkużat hedded lil ħuh li kien jagħtih daqqa ta’ sikkina talli rrapportah.
Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Qorti li l-imputat kien ammetta fis-stadju bikri tal-investigazzjonijiet u anke li kellu fedina penali nadifa. Il-Prosekuzzjoni qalbet li għandu jingħata sentenza ta’ ħabs sospiża flimkien ma’ multa fil-minimu u ordnijiet ta’ trattament u protezzjoni favur l-omm.
Min-naħa tagħha d-difiża qalet li l-imputat kien qiegħed f’kuntatt mal-Oasi biex jibda programm kontra d-droga. Qalet ukoll li għandu mpjieg bħala xufier u li mhux se jgħix aktar ma’ ommu.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li l-akkużat kellu mġiebha li kkawżat biża’ ta’ vjolenza fuq l-omm, li hija persuna vulnerabbli, u li hu messu kien jaf x’konsegwenzi kienu jirriżultaw mill-aġir tiegħu.
Wara li semgħet l-ammissjoni tal-imputat il-Qorti imponiet fuq il-ħati ordni ta’ trażżin u ordni ta’ protezzjoni favur l-omm għal perjodu ta’ sentejn, kif ukoll ordni ta’ trattament għad-droga. Minħabba ċ-ċirkostanzi finanzjarji tal-akkużat, il-Qorti aċċettat it-talba tad-difiża biex il-multa ta’ €500 titħallas bil-mod, b’rata ta’ €50 fix-xahar.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mis-Sur Spettur Christian Cauchi, filwaqt li għall-akkużat dehret l-Avukat Yanika Barbara Sant. Il-Maġistrat Noel Bartolo sema’ l-preżentata.


