Saturday, May 25, 2024

Sentenza sospiża għal raġel li ammetta li hedded lis-sieħba li kien se joqtolha

Aqra wkoll

Raġel ta’ 26 sena mill-Gambja residenti San Ġiljan ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin wara li fil-Qorti ammetta li wettaq vjolenza domestika fuq is-sieħba tiegħu, fosthom li heddidha b’sikkina

Fil-Qorti, John Musa kien mixli li żamm lis-sieħba tiegħu kontra l-volontà tagħha u li sakkarha fil-kamra tas-sodda tar-residenza tagħhom. Musa kien akkużat ukoll li kkawża biża’ fuq is-sieħba u li meta kien bis-sikkina f’idejh, heddidha li l-ewwel joqtol lilha u mbagħad joqtol lilu nnifsu.

Il-Qorti akkużatu wkoll li minbarra li beda jheddidha li se jagħmel dan, huwa pprova jifgaha, isawwatha biċ-ċintorin u jtiha bis-sieq. Konsegwenza t’hekk hija kienet qed issofr minn ġrieħi ħfief.

Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Christian Cauchi spjegat kif t-Taqsima tal-Vjolenza Domestika tal-Pulizija ġiet infurmata b’dan il-każ mill-Isptar Mater Dei wara li l-mara marret hemmhekk għall-kura.

Hija kienet qalet lill-Pulizija li dakinhar li seħħ il-każ, hija kienet sejra tiltaqa’ ma’ ħabiba tagħha u li s-sieħeb tagħha ċempillha u qallha biex tmur id-dar. Hija rrakontat dak kollu li għamillha l-akkużat sakemm irnexxielha taħrab. L-Ispettur Cauchi spjega li meta Musa ġie mitkellem mill-Pulizija, huwa ammetta li sawwat lis-sieħba iżda ċaħad li għamel użu minn ċintorin u sikkina.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qprti preseduta mill-Maġistrat Noel Bartolo, sab lil Musa ħati fuq ammissjoni u kkundannah għal sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin.

Il-Qorti ordnat ukoll ordni ta’ trażżin, sabiex għall-ebda raġuni ma jista’ javviċina jew b’xi mod jagħmel kuntatt mal-eks sieħba tiegħu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport