Raġel ta’ 37 sena ngħata sentenza sospiża wara li ammetta li hedded Maġistrat u Spettur fil-Qorti.
Etienne Baldacchino, kien mixli li wettaq dan ir-reat nhar it-30 ta’ April ta’ din is-sena.
Huwa kien mixli wkoll li kiser il-paċi pubblika u li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti fis-seduta preċedenti tat-30 ta’ Ġunju 2022, ippreseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, li permezz tagħhom kien ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt depożitu u garanzija.
Huwa wieġeb ħati ta’ dawn l-akkużi.
Meta ġiet biex tingħata s-sentenza, il-Qorti kkunsidrat l-ammissjoni bikrija tal-imputat, kif ukoll ir-rapport tal-Uffiċjal tal-Probation u tal-fatt li wettaq reat fil-konfront ta’ Maġistrat u Spettur.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella M. Frendo Dimech, filwaqt li sabitu ħati tal-akkużi, ikkundannatu 16-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin u ordnat li jitqiegħed taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjal sorveljenti għall-perjodu ta’ tliet snin.
Huwa tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ trattament għal tliet snin sabiex jingħata l-għajnuna meħtieġa biex jegħleb ir-rabja u l-impulsività li huwa maħkum minnhom.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Gabriel Micallef u Kevin Pulis.