Raġel ta’ 35 sena mill- Macedonja ta’ Fuq ingħata sentenza ta’ ħabs sospiża, multa u ordni ta’ deportazzjoni wara li ammetta li hedded lil martu u li kkawżalha biżà li se tintuża vjolenza kontriha.
Huwa kien ukoll akkużat li heddidha permezz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fl-16 ta’ Frar, kif ukoll li għamel xi insulti.
Il-mara hija ukoll omm iż-żewġt itfal tal-imputat.
L- imputat ammetta li ċempel lil martu tliet darbiet u qalilha: “Tiġix id-dar, għax noqtlok.”
Wara li ammetta l-ħtija, il-Qorti ikkundannatu għal 14-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn u immultatu €400. Il-Qorti ordnat ukoll il-deportazzjoni immedjata tiegħu minn Malta.
Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Christian Cauchi, filwaqt li l-Avukat Silvan Pulis deher għall-imputat.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ppresediet is-seduta.

