Surġent tal-Pulizija ġie ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li fil-Qorti ammetta li weġġa’ gravi tifel ta’ 14-il sena.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Jessica Bezzina spejgat kif il-każ seħħ aktar kmieni dan ix-xahar. Ingħad li s-Surġent, ta’ 37 sena u li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, kien imsejjaħ biex imur f’post f’Birkirkara fejn jingħataw kenn żgħażagħ wara li l-vittma kien qala’ xi inkwiet.
Ġie spjegat ukoll li l-pulizija ħa lit-tifel għall-kura u li wara informa lis-superjuri tiegħu b’dak li għamel fejn b’mod volontarju. L-Ispettur Bezzina qalet ukoll li s-Surġent saħansitra mar fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija biex jiġi interrogat.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella rrimarkat li s-Surġent għandu kondotta nadifa. Hija kkunsidrat ukoll il-fatt li meta seħħ l-inċident, dan ħa azzjoni mill-ewwel u mar jirraporta dwar l-istess inċident lis-superjuri tiegħu.
Il-Qorti ordnat sabiex is-Surġent iħallas €826 lill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, li tmexxi l-post. Huwa kien ordna ukoll sabiex iħallas għas-sessjonijiet ta’ trattament psikoloġiku li qed jingħata t-tifel.
Il-Maġistrat Vella żiedet li mingħajr tnaqqas il-gravità tal-każ kienet tal-fehma li l-akkużat ma kellux jiġi mkeċċi mix-xogħol.
L-Avukati Alfred Abela u Renè Darmanin dehru għall-pulizija waqt li l-Avukat Christian Camilleri deher għat-tifel.