Thursday, June 5, 2025

Sentenza sospiża għal żagħżugħ involut f’reati ta’ traffikar tal-bniedem

Aqra wkoll

Indjan ta’ 24 sena li fil-Qorti qal li jaħdem fil-manutenzjoni, ingħata sentenza ta’ ħabs sospiża wara li ammetta li kien involut f’reati assoċjati mat-traffikar tal-bniedem. Hu ammetta wkoll li għamel dikjarazzjonijiet foloz mal-aġenzija Identità.

Fil-Qorti l-Prosekuzzjoni qalet li l-investigazzjonijiet bdew dwar formoli foloz dwar residenzi u kirjiet li kienu ppreżenati lill-Aġenzija Identità minn persuni li kienu ġejjin minn pajjiżi terzi u dan biex jiksbu permess ta’ xogħol u anke residenza.

Il-Pulizija kienu ġew informati mill-aġenzija li kienet irċiviet rapporti dwar dokumenti foloz, inkluż dokumenti ta’attestazzjoni foloz minn nutar. Min-naħa tiegħu dan in-Nutar kien diġà għamel rapport mal-Pulziija li s-siġil tiegħu kien iffalsifikat u li kien qed jintuża mingħajr awtorizzazzjoni tiegħu għall-dawn id-dokumenti.

L-Ispettur Karl Roberts li mexxa l-prosekuzzjoni ppreżenta diversi dokumenti fil-Qorti li juru dan. Il-prosekuzzjoni qalet li kienu ilhom tliet ijiem ifittxu lill-akkużat, iżda imbagħad mar minn rajh fil-kwartieri tal-pulizija fejn kellu miegħu avukat. Qal li l-akkużat ikkopera mal-awtoritajiet waqt l-investigazzjoni.

Wara li l-Qorti semgħet l-ammissjoni tiegħu, sabitu ħati u ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiża għal erba’ snin, u ġie mmultat €23,293.73.

Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport