Żewġt Sirjani ta’ 21 u 30 sena rispettivament, ingħataw sentenza sospiża wara li ammettew li s-Sibt li għadda, ikkomettew serq ta’ diversi kannestri tal-basal, bżar aħdar u tadam minn numru ta’ għelieqi fir-Rabat.
Huma kienu mixlija wkoll li daħlu fil-proprjetà ta’ ħaddieħor mingħajr permess. Mohamad Farhoud ta’ 21 sena waħdu kien mixli wkoll li saq vettura tal-għamla Toyota Hilux mingħajr liċenzja u li saq l-istess vettura mingħajr ma kkunsidra l-fatt li seta’ jkun ta’ periklu għal ħaddieħor.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-kannestri tal-ħaxix insterqu fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd. Fix-xhieda tagħhom iż-żewġ imputati wieġbu li huma ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace sabet lil Mohamad Farhoud u lil Ibrahim Mahmoud Freh ħatja u kkundannathom tmien xhur ħabs sospiżi għal sena kull wieħed. Minbarra s-sentenza sospiża, Farhoud ingħata ukoll multa ta’ €2,330 u ordni ta’ sospenzjoni tas-sewqan tal-liċenzja għal sena.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Roderick Attard.