Il-Qorti tal-Appell biddlet sentenza tal-ewwel Qorti fil-konfront ta’ raġel li f’Ottubru tal-2021 kien ikkundanat sena ħabs wara li nstab ħati li qatel erba’ fjammingi. Din is-sentenza ta’ ħabs ġiet mibdula f’waħda sospiża wara li l-Qorti tal-Appell qieset li l-ispeċi mhix waħda f’periklu ta’ estinzjoni u hija migratorja.
Miguel Zammit ta’ 24 sena mill-Gżira kien instab ħati li fit-2 ta’ Ottubru ta’ sentejn ilu, fl-inħawi tat-torri ta’ Fra Ben, fil-ponta tal-Qawra qatel erba’ fjammingi li kienu qed itiru f’qatgħa ta’ ħamsa. Fl-ewwel Qorti, Zammit ġie kkundannat sena ħabs u l-liċenzja tal-kaċċa għal għomru ġiet skwalifikata.
Iż-żagħżugħ kien appella mis-sentenza minħabba l-fatt li ma kienx qiegħed waħdu fil-ponta tal-Qawra. L-Imħallef Neville Camilleri rrimarka iżda kif mill-istqarrija li ta lill-Pulizija, Zammit ma qalx li sema’ tiri oħra jew ra xi nies.
L-Imħallef Camilleri żied jgħid li mix-xhieda ta’ persuna li kienet fuq il-post u li kien qed josservaw it-tjur, irriżulta li kien Zammit li spara lejn il-fjammingi.
Rigward il-piena mogħtija lil Zammit, iż-żagħżugħ għamel ilment li l-Qorti tal-Maġistrat ma qisitx li dak iż-żmien kien għad kellu biss 23 sena meta seħħ il-każ. Qal ukoll li ma kienx hemm impatt fuq l-istatus tal-konservazzjoni protetta.
L-istess Imħallef qies ukoll li dawn it-tip ta’ speċi ma jinsabux fil-periklu ta’ estinzjoni u li għal din ir-raġuni, l-impatt tar-reat fuq dawn l-ispeċi jista’ jitqies bħala wieħed baxx.
Kien għalhekk li filwaqt li kkonferma l-ħtija ta’ Zammit, l-Imħallef Camilleri biddel il-piena ta’ sena ħabs għal waħda ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn.