Żagħżugħ ta’ 26 sena nħata sentenza sospiża wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Donatella M. Frendo Dimech li kien għamel theddid fil-konfront ta’ persuna oħra.
L-imputat kien akkużat ukoll li għamel użu ħażin ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika, u inġurji kontra persuna.
Fil-bidu tas-seduta, l-imputat mill-ewwel ammetta l-akkużi kollha kontrih bil-Qorti twissih li din l-ammissjoni l-Qorti bilfors trid issibu ħati. Kien għalhekk li hu ngħata ċans jitkellem mal-avukat tiegħu. Iżda wara, hu reġa’ ammetta l-akkużi kollha.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti kkonsidrat li l-imputat għandu fedina penali nadifa, il-kooperazzjoni tiegħu mal-pulizija, l-ammissjoni bikrija, kif ukoll li l-parti ċivili ma xtaqitx li jingħata piena karċerarja effettiva. Ġie wkoll osservat li ż-żewġ akkużi sekondarji kienu marbuta direttament mal-ewwel waħda.
Kien għalhekk li l-Qorti kkundannat lill-imputat 14-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin, kif ukoll multa ta’ €500.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Frankie Sammut u l-Ispettur Francesca Calleja.

