Sunday, December 22, 2024

Sentenza sospiża wara li ffroda €25,000 mingħand diversi persuni

Aqra wkoll

Raġel ta’ 43 sena kien ikkundannat sentenza sospiża wara li ammetta li ffroda diversi persuni s-somma ta’ €25,000. Il-każ imur lura għal Settembru tal-2021. 

L-imputat, li ismu mhux jixxandar fuq ordni tal-Qorti, kien tressaq il-Qorti mixli b’diversi akkużi fosthom dawk ta’ misapproprijazzjoni. 

Huwa wieġeb ħati tal-akkużi, bil-Qorti tisma x-xhieda tal-probation officer li ssuġġerixxa l-imputat jingħata sentenza ta’ priġunerija sospiża fil-massimu tagħha, bil-kundizzjoni li jħallas lill-vittmi, l-ammont dovut lilhom. 

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud, qalet li l-piena għandu jkollha effetti riedukattivi u korrezzjonali fuq il-ħati. 

Il-Qorti saħqet li biex dan il-għan jintlaħaq, il-ħati għandu jsib dawk l-istrutturi maħsuba mill-Istat biex ikun jista’ jwettaq dan il-perkors rijabilitattiv u jiġi megħjun itejjeb l-imġiba tiegħu b’mod li għalhekk jerġa’ jiġi ri-integrat fis-soċjetà.

Kien għalhekk li filwaqt li sabet lill-imputat ħati tal-imputazzjonijiet kif miġjuba kontra tiegħu, ikkundannatu għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Huwa kien ordnat ukoll biex fi żmien tliet snin iħallas lill-vittmi s-somma ta’ €25,000, li minnhom iridu jitnaqqsu l-ħlas li diġà rritorna bħala parti mid-danni li sofrew.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettturi Wayne Camilleri u Shawn Pawney. 

Ekonomija

Sport