Friday, December 13, 2024

Sentenza sospiża wara li ħebb għall-Pulizija f’Paceville

Aqra wkoll

Kevin Borg ta’ 42 sena residenti l-Fgura ammetta li ħebb u hedded lill-Pulizija wara li kien tkeċċa barra minn bar f’Paceville tard is-Sibt filgħaxija.

Borg kien akkużat ukoll li m’obdiex l-ordnijiet tal-pulizija, li wettaq reat waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża u li sar reċediv fost oħrajn. 

L-Ispettur Saviour Baldacchino spjega lill-Maġistrat Ian Farrugia li quddiemu tressaq l-imputat, li l-fil-lejl ta’ bejn il-11 u t-12 ta’ Ġunju kien inqala’ argument bejn żewġt irġiel fi stabbiliment f’Paceville. 

L-uffiċjali tas-sigurtà kienu ħarġu ‘l barra lill-irġiel u l-ġlieda issoktat barra. “Imbagħad intervjenew il-pulizja li wkoll ġew attakkati,” kompla jgħid l-Ispettur.

Borg wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Fis-sottomissjonijiet dwar il-piena, l-Avukat Charmaine Cherrett, li dehret għar-raġel, qalet li l-imputat kien ikkopera bis-sħiħ mal-pulizija. L-Ispettur Baldacchino kkonferma dan u qal li skuża ruħu. 

Il-Maġistrat Ian Farrugia warrab l-akkużi li rreżista b’mod vjolenti l-arrest u li sar reċediv fuq nuqqas ta’ provi iżda sabitu ħati tal-akkużi l-oħra miġjuba kontra tiegħu.

Borg kien ikkundannat sena ħabs sospiżi għal sentejn u mmultat €900. Il-Qorti ġeddet it-terminu operattiv ta’ sentenza sospiża li ngħatatlu fi Frar.

Ekonomija

Sport