Friday, December 13, 2024

Sentenza sospiża wara li heddet żewġ Spetturi fil-Qorti

Aqra wkoll

Mara li heddet li se tpattiha lil żewġ spetturi tal-pulizija wara li nstabet ħajta li mexxiet burdell f’Mejju li għadda, u dan waqt li kienet għadha fl-awla, ingħatat sentenza sospiża wara li wieġbet ħatja għal dawn l-akkużi.

Pawlina Cutajar ta’ 28 sena mill-Gżira kienet iżda illiberata mill-akkużi li heddet Maġistrat li kienet tatha s-sentenza, wara li l-Qorti nnotat li l-Prosekuzzjoni ma ressqet l-ebda provi biex issostni din l-akkuża. 

L-Ispetturi Daryl Borg u Gabriel Micallef akkużaw lill-mara b’insulti u theddid fuq Maġistrat u li għamlet l-istess lil żewġ Spetturi tal-Pulizija waqt li dawn kienu qed jaqdu dmirijiethom. 

Cutajar kienet akkużata wkoll li naqset milli tobdi l-ordnijiet tal-pulizija, li ħebbet għall-uffiċjali tal-pulizija u għal Maġistrat, li kisret il-paċi pubblika u li saret reċediva. 

L-Avukat Roberto Montalto, li deher għall-imputata, informa lill-Qorti li l-klijenta tiegħu kienet qiegħda tagħmel apoloġija lill-persuni kollha involuti. Qal li hi ċaħdet ukoll li insultat jew heddet lill-Maġistrat iżda kliemha kien indirizzat biss lejn l-Ispetturi. 

Cutajar kienet ikkundannata sitt xhur ħabs sospiżi għal erba’ snin. Hija ġiet immultata wkoll is-somma ta’ €800.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ trażżin għall-perjodu ta’ tliet snin, u pprojbiet lil Cutajar milli tavviċina l-Ispetturi tal-Pulizija.

Ekonomija

Sport