Tuesday, December 24, 2024

Sentenza sospiża wara li kiteb fuq FB kliem li jistieden vjolenza fil-konfront tal-BirdLife

Aqra wkoll

Stephen Micallef ta’ 50 sena resident l-Imsida kellu s-sentenza ta’ ħabs sospiża li kien irċieva mill-Ewwel Qorti kkonfermatamill-Qorti tal-Appell wara li nstab ħati li inċita l-vjolenza permezz ta’ kitba fuq Facebook fil-konfront tal-BirdLife.

Micallef kien akkużat li fl-2022 inċita l-mibegħda u l-vjolenza wara li kiteb kumment fuq Facebook “kif ħadd ma mar u tahom xeba’ tajba lil dawn in-nies.”

Kien fi Frar tas-sena li għaddiet meta kien instab ħati u ġie kkundannat sitt xhur ħabs sospiża bi tliet snin kif ukoll multa ta’ €3,000. Il-ħati kien appella mis-sentenza tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni qalet li f’April tal-2022, il-Pulizija kienet irċiviet rapport mingħand il-Kap Eżekuttiv tal-BirdLife Malta, Mark Sultana fejn anke ppreżenta screenshots ta’ kumment mill-akkużat fuq il-mezzi soċjali.

Sultana kien allega li l-kummenti ta’ Micallef inisslu mibgeda u anke jinċitaw il-vjolenza fil-konfront ta’ Birdlife Malta. Waqt l-investigazzjoni, Sultana kien tkellem mal-pulizija fejn informhom li ma xtaqx jipproċedi bil-każ, iżda l-Pulizija kompliet tinvestiga u aktar tard bdew il-proċeduri fil-Qorti.

Min-naħa tiegħu Micallef qal li kien kiteb dan il-kumment taħt post li tella’ fuq Facebook wara li BirdLife kienet għamlet mandat ta’ inibizzjoni sabiex ma jinfetaħx l-istaġun tal-kaċċa għall-gamiema fir-Rebbiegħa. L-akkużat qal li hu kien qed jistieden li tintuża l-vjolenza kontra sħabu stess il-kaċċaturi li jiksru l-liġi u mhux kien qiegħed jirreferi għall-BirdLife.

Iżda kif għamlet l-Ewwel Qorti, il-Qorti tal-Appella ma emmnitx il-verżjoni tal-akkużat u qalet li l-kummenti kienu ndirizzati lejn BirdLife.

Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras qalet li l-ewwel piena kienet fil-parametri tal-liġi u kienet il-piena minima li seta’ jeħel. Għaldaqstant, ikkonfermata is-sentenza ta’ sitt xhur ħabs sospiżi għal tliet snin iżda rrevokat il-multa ta’ €3,000.

Ekonomija

Sport