Usef Alualo Huseyn, Sirjan ta’ 36 sena, ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi u skwalifika mil-liċenzja tas-sewqan għal 12-il xahar wara li ammetta li kien qed isuq bla liċenzja u b’mod traskurat.
Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech.
Kien nhar it-Tlieta li għadda meta għall-ħabta tal-11.30p.m. l-imputat waqt road check fi Triq Diċembru 13, il-Marsa. Meta l-Pulizija staqsew lill-imputat biex jagħtihom id-dokumenti tas-sewqan, l-imputat ma ppreżenta l-ebda liċenzja u qal lill-pulizija li jgħix il-Bulgarija u d-dokumenti qegħdin hemm.
Il-Prosekuzzjoni qalet li minn aktar investigazzjonijiet li saru jirriżulta li l-imputat ma kellux ikun f’pajjiżna.
Il-Qorti wissietu li r-reati li kien qed jaffaċċja jistgħu jwasslu għal piena ta’ ħabs, iżda l-prosekuzzjoni u d-difiża qablu fuq sentenza sospiża, ukoll fid-dawl tal-fatt li l-każ se jiġi riferut lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni.
Huseyn wieġeb ħati għall-akkużi.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa, filwaqt li d-difiża kienet immexxija mill-Avukat Axl Camilleri.

