Sirjan ta’ 22 sena, li għandu passaport Bulgaru u jgħix il-Mosta, kien ikkundannat sentenza sospiża wara li ammetta li saq mingħajr liċenzja tas-sewqan.
Il-Qorti semgħet kif is-Sibt li għadda, għall-ħabta tat-8.00 a.m., il-Pulizija mill-Għassa tal-Ħamrun kienu qed jagħmlu spezzjonijiet fit-toroq u waqqfu lil Anas Alhuseyno Mohamad.
Huwa ntalab jippreżenta l-liċenzja u qalilhom li ma kellux liċenzja u li kien ilu Malta seba’ xhur bl-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa tgħid li għalhekk kien qiegħed Malta illegalment.
Minbarra li saq bla liċenzja Mohamad kien mixli wkoll li saq mingħajr polza tal-assikurazzjoni u wieġeb mhux ħati għaż-żewġ akkużi.
Fuq ammissjoni tiegħu stess, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Victor Axiak sabet lil Mohamad ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u kkundannah sitt xhur ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Il-Qorti skwalifikatu wkoll milli jikseb liċenzja tas-sewqan għal perjodu ta’ 14-il xahar.

