Sqalli ta’ 24 sena residenti l-Iklin, kien ikkundannat sena ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li seraq diversi oġġetti u flus kontanti minn appartament f’Birkirkara.
Alessandro Iozza kien mixli li wettaq dan ir-reat nhar il-Ħamis li għadda, bil-valur tal-oġġetti misruqa jaqbeż l-€2,329. Huwa kien mixli wkoll li għamel ħsara fil-proprjetà ta’ ħaddieħor.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joseph Gatt, semgħet kif dan kien każ ta’ darba, li seħħ minħabba s-sitwazzjoni li kellu mal-eks sieħba tal-imputat, liema sitwazzjoni issa ġiet fi tmiemha.
L-imputat wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, u kkonferma tali ammissjoni anke wara li ngħata aktar żmien biex jaħsibha.
Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti kkunsidrat il-fedina penali nadifa tiegħu, l-ammissjoni fi stadju bikri tal-proċeduri u aktar importanti minn hekk il-fatt li huwa kien irritorna l-oġġetti misruqa qabel tressaq fil-Qorti.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li filwaqt li nstab ħati tal-akkużi, huwa kien ikkundannat sentenza sospiża, bil-Maġistrat Gatt iwissih bil-konsegwenzi jekk jerġa’ jwettaq reat ieħor waqt dan il-perjodu.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Clayton Camilleri u Andrew Agius Bonello.