Ingliż ta’ 42 sena ġie kkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sena wara li ammetta li s-Sibt filgħodu seraq nuċċali minn ħanut fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Il-Prosekuzzjoni spjegat fil-qorti li n-nuċċali nsteraq minn ħanut li jinsab fl-ewwel sular tal-ajruport, minn fejn jitilqu l-passiġġiera. Intqal ukoll li n-nuċċali li nsteraq kien jiswa €163.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali Martin Farrugia, li deher għal Steven Anthony Laws, qal li l-imputat iddispjaċih ħafna għal li għamel, u stqarr li n-nuċċali se jerġa’ jingħata lill-ħanut.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace sabitu ħati tal-akkużi u kkundannatu sentenza sospiża.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roxanne Tabone.