Stephen Chircop ta’ 56 sena residenti Ħaż-Żebbuġ ingħata sentenza sospiża wara li tressaq il-Qorti fejn wieġeb ħati li seraq mobile u żewġ basktijiet.
Fil-Qorti ħareġ li s-Sibt filgħodu l-Pulizija daħlilha rapport dwar serq ta’ żewġ basktijiet, li jiswew €10-il wieħed, minn ħanut fil-Belt Valletta.
Sakemm ġew elevati l-filmati tas-CCTVs, il-Puliżija kienet infurmata li nsteraq mobile minn fuq mara li kienet miexja fil-Belt stess.
Hija tat lill-pulizija deskrizzjoni tal-allegat aggressur u għall-ħabta tal-12.15 p.m. ġie innutat l-imputat u wara kien arrestat. Minn tfittxija li saret fuqu, instab li kellu l-mobile rappurtat misruq.
Il-Prosekuzzjoni kompliet tgħid li l-mobile ġie ritornat lura għand sidu. Dan filwaqt li kien hemm qbil mad-Difiża li l-valur tal-basktijiet misruqa kien ta’ madwar €20.
Id-Difiża spjegat li l-imputat għandu sekwestru u minħabba f’hekk qed jgħix f’kundizzjonijiet miżeri. Il-Prosekuzzjoni kkonfermat dan u qalet li kien dan li jidher li wasslu biex iwettaq ir-reat għax “lanqas biex jiekol m’għandu.”
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, sabet lil Chircop ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u kkundannatu sitt xhur ħabs sospiżi għal 18-il xahar. Huwa tqiegħed taħt ordni ta’ probation għal 18-il xahar u kien ordnat iħallas lil sid il-ħanut, minn fejn seraq il-basktijiet, is-somma ta’ €20.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Gabriel Spiteri. L-Avukat tal-għajnuna legali Leontine Calleja dehret għar-raġel.