Thursday, December 26, 2024

Sentenza sospiża wara li xerred filmat sesswali tal-eks sieħba mal-kollegi tagħha

Aqra wkoll

Turist kien immultat €1,000 u ngħata sentenza sospiża wara li ammetta li bagħat filmat sesswali tal-eks tfajla tiegħu lill-kollegi tagħha mingħajr il-kunsens tagħha.

Morgan Hayat Smith ta’ 25 sena mill-Belġju, li huwa uffiċjal tas-sigurtà, kien ammetta mal-pulizija waqt l-interrogazzjoni li dak li għamel kienet “xi ħaġa ta’ bluha”. 

Smith kien qed joqgħod f’lukanda fl-Imsida meta ċċirkola filmat tiegħu nnifsu waqt li kien qed jagħmel is-sess mal-vittma u bagħtu lil sħabha u oħrajn. 

Huwa ġie arrestat u tressaq il-Qorti mixli li allegatament xerred il-filmat bl-intenzjoni li jagħmel ħsara lill-vittma kif ukoll li għamel użu ħażin minn tagħmir ta’ komunikazzjoni elettronika. 

L-imputat wieġeb ħati tal-akkużi u kkonferma l-ammissjoni anke wara li ngħata aktar żmien biex jaħsibha. L-Ispettur Omar Zammit, li mexxa l-Prosekuzzjoni, qal fil-Qorti li l-ħajja privata tal-vittma kienet iċċirkolata mingħajr il-kunsens tagħha. 

L-Ispettur Zammit qal li dan l-inċident affettwa sew lill-vittma. Madankollu, l-imputat kien ikkopera bis-sħiħ, ammetta fl-istqarrija tiegħu u talab skuża wkoll. Intqal li Smith kien ilu Malta tlitt ijiem u kien mistenni li jitlaq illum. 

Wara li ssospendiet is-seduta għal xi ħin, il-Maġistrat Astrid May Grima kkundannat lill-imputat għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Huwa kien immultat ukoll €1,000, bil-Qorti toħroġ ordni ta’ trażżin kontra l-imputat u favur il-vittma.

L-Avukat tal-għajnuna legali Mario Caruana  deher għal Smith.

Ekonomija

Sport