Omm li qatlet liż-żewġt uliedha u ħbiet il-katavri tagħhom f’bagalji ngħatat sentenza ta’ għomor il-ħabs fi New Zealand. L-omm, Hakyung Lee ta’ 45 sena, li nstabet ħatja f’Settembru tal-qtil xokkanti ta’ wliedha Yuna Jo ta’ tmien snin u Minu Jo ta’ sitt snin, trid tqatta’ mill-inqas 17-il sena l-ħabs qabel ma tkun eliġibbli għal-libertà kondizzjonali.
Waqt il-ġuri Lee argumentat li ma kinitx f’sensiha fiż-żmien tal-qtil fl-2018, li seħħ ftit wara li miet żewġha. L-Imħallef Geoffrey Venning qal li s-saħħa mentali ta’ Lee kellha sehem fil-każ, iżda li l-azzjonijiet tagħha kienu “kkalkulati.”
Il-fdalijiet tat-tfal kienu nstabu fl-2022 minn koppja li xtraw f’irkant diversi oġġetti li kienu f’maħżen abbandunat f’Auckland.
Waqt ġuri li dam aktar minn ġimagħtejn, l-Avukati Difensuri ta’ Hakyung Lee argumentaw li s-saħħa mentali tagħha ddeterjorat wara l-mewt ta’ żewġha Jo, u li bdiet temmen li kien aħjar jekk il-bqija tal-familja tmut flimkien.
“Lee ppruvat toqtol lilha nfisha u lil uliedha billi tathom doża tal-antidipressant nortriptyline mħallat ma’ meraq tal-frott iżda żbaljat id-doża u sabet li wliedha kienu mejta,” qalu l-avukati tagħha.
Il-prosekuturi min-naħa tagħhom argumentaw li dak ta’ Lee kien “att egoist biex teħles lilha nfisha mill-piż ta’ ġenitur wieħed.”
Wara l-qtil, Lee kienet biddlet isimha u telqet minn New Zealand. Hija ġiet arrestata fil-Korea t’Isfel – fejn twieldet – f’Settembru 2022, u estradita lura lejn New Zealand aktar tard dik is-sena.
Lee x’aktarx kienet qed tbati minn “dipressjoni atipika” u reazzjoni ta’ niket fit-tul fil-ħin tal-qtil, skont valutazzjoni psikjatrika mwettqa qabel is-sentenza, irrapporta x-xandar lokali RNZ.
L-Imħallef li quddiemu sar il-ġuri ordna li Lee tiġi trattata bħala “pazjenta speċjali” matul iż-żmien tagħha fil-ħabs minħabba l-istat mentali tagħha.


