Saturday, May 18, 2024

Sentenza ta’ ħabs mibdula għal probation wara li bidel ħajtu

Aqra wkoll

Raġel ta’ 38 sena kellu sentenza ta’ ħabs mibdula wara li l-Qorti tal-Appell aċċetat it-talba tiegħu biex minflok tinbidel għal sena probation. Il-Qorti tal-Appell biddlet din is-sentenza wara li kien jidher ċar li hu biddel ħajtu.

Kien fl-2019 meta hu kien ingħata sentenza ta’ 3 xhur ħabs limkien ma’ ordni ta’ trattament wara li nstab ħati li kien wettaq ħsara fi ħwejjeġ tal-ġenituri tiegħu kif ukoll li kiser il-paċi pubblika.

Fl-appell hu qal li kien għadda minn żmien ħażin ħafna minħabba li kellu l-vizzju tad-droga u pprova jegħlbu, iżda ma kein għaraf jikkordina mal-Uffiċjal tal-Probation.

Ir-raġel qal li issa għandu mpjieg fiss u qed jiddedika ħafna mill-ħin tiegħu għal dan ix-xogħol li għandu. Qed isir għajnuna kbira min-nies qribu ħafna fosthom is-sieħba tiegħu u li minn jeddu qed jattendi l-Caritas.

Mill-provi mressqa quddiem l-Ewwel Qorti kien instab li missieru kien qallu biex ma jmurx aktar lejn id-dar tagħhom minħabba problemi li dejjem kien jaqla. Dakinhar li kien qallu hekk l-imputat kien mar id-dar tal-ġenituri tiegħu u beda jimbotta l-bieb ta’ barra sakemm inkisret ħġieġa.

Ommu u missieru meta kienu xhedu fil-Qorti qalu li huma jixtiequ li binhom jinbidel u jaqbad it-triq it-tajba. Ommu kienet qalet li wara dak li ġara binha kien mar jgħix għar-rasu.

Fl-Appell, il-ġenituri reġgħu xhedu fejn qalu li s-sitwazzjoni nbidlet ħafna u binhom jidher li qabad it-triq it-tajba. Ommu qalet li hija ma kinitx tal-fehma li jintbgħat il-ħabs u bħalissa binhom reġa’ qed jgħix magħhom u mhux qed jaqla’ problemi.

Anke l-prosekuzzjoni qablet li sentenza ta’ ħabs ma kinitx l-aħjar soluzzjoni.

Kien għalhekk li l-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, waqt li sabitu ħati bidlet is-sentenza ta’ ħabs għal wada ta’ ordni ta’ probation għal sena.

Sport