Sunday, December 22, 2024

Sentenza tal-Qorti tnaqqas drastikament multa fuq importazzjoni tat-tabakk

… minn €1.15 miljun għal €4,350

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell Kriminali biddlet drastikament multa li ngħata raġel b’rabta ma’ importazzjoni tat-tabakk. Fil-fatt, Frankie Apap kellu l-multa ta’ €1.15 miljun li ġiet imnaqqsa għal €4,350. Apap kien tressaq il-Qorti mixli li nhar it-2 ta’ Diċembru 2020, kellu fil-pussess tiegħu 3,140 kilo tabakk mhux dikjarat u b’valur totali ta’ €15,900, dazju tas-sisa dovut ta’ €383,080 u taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li tammonta għal €71,816.

Fi Frar tal-2022, huwa kien insab ħati tal-akkużi u kien ikkundannat xahar ħabs sospiżi għal sentejn, flimkien ma’ multa ta’ €1,149,240. Apap iżda kien appella mis-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati.

Huwa kien qanqal serje ta’ aggravji msejsa mhux biss fuq apprezzament żbaljat tal-provi magħmula mill-Ewwel Qorti, iżda wkoll fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-liġijiet erarji u doganali mal-importazzjoni tat-tabakk u l-proċess tal-manifatturazzjoni tiegħu.

Fis-sentenza tagħha, l-Imħallef Edwina Grima nnotat li kif tajjeb stqarret l-Ewwel Qorti, l-appellant kellu jinforma lill-uffiċjali tad-Dwana bil-wasla tal-merkanzija u dan immaterjalment minn dak li setgħu osservaw l-imsemmija ufiċjali meta aċċedew fil-fabbrika tiegħu, għax l-obbligu kien jinkombi fuqu u mhux fuq l-uffiċjali. Qalet li jirriżulta għalhekk li l-appellant naqas milli javża lid-Dwana li kien se jimporta t-tabakk mhux manifatturat.

Min-naħa l-oħra, innotat li l-appellant kien kiseb liċenzja sabiex jibda jipproduċi s-sigaretti lokalment f’Lulju tal-2020. L-appellant kien importa t-tabakk bħala materja prima mill-Polonja, liema tabakk wasal il-fabbrika tiegħu nhar id-9 ta’ Ottubru 2020, filwaqt li l-ispezzjoni min-naħa tal-uffiċjali tad-Dwana saret fl-1 ta’ Diċembru tal-istess sena, meta t-tabakk kien ikkonfiskat.

Għalhekk skont ir-regolamenti, jekk wieħed jieħu d-data tas-16 ta’ Lulju 2020, huwa evidenti li l-appellant kellu sal-21 jum wara s-16 ta’ Jannar 2021 sabiex jagħmel dikjarazzjoni lill-Kummissarju fir-rigward tal-bidu tal-manifatturazzjoni u produzzjoni tas-sigaretti. Dan il-perjodu ta’ żmien kien għadu ma ddekorriex meta saret l-ispezzjoni mill-uffiċjali tad-Dwana. Fil-fatt, dan id-dokument jidher li kien sottomess fit-13 ta’ Jannar 2021.

“Dan ifisser”, kompliet tgħid il-Qorti, “li l-appellant f’dan ir-rigward ottempra ruħu mal-liġi biex b’hekk l-ispezzjoni u s-sussegwenti azzjoni min-naħa tal-Kummissarju kienet waħda prematura u intempestiva.”

Intqal li ġaladarba għalhekk l-appellant kien għadu fiż-żmien sabiex jiddikjara mal-Kummissarju li kien beda bil-produzzjoni u l-manifatturazzjoni, għaldaqstant ma setax jingħad lanqas li huwa pprova jevadi l-ħlas tad-dazju tas-sisa u tat-taxxa fuq il-valur miżjud, iktar u iktar meta ebda prodott ma kien għadu tlesta u għalhekk imqiegħed fis-suq. Għaldaqstant, saħqet li l-Ewwel Qorti ma setgħetx issib ħtija fuq dawn l-akkużi.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li s-sentenza ġiet mibdula u minn perjodu ta’ priġunerija ta’ xahar sospiżi għal sentejn u multa ta’ €1,149,240, kien ikkundannat għal perjodu ta’ xahar ħabs sospiżi għal sena flimkien ma’ multa ta’ €4,350 li terz minn dan l-ammont għandu jitqies bħala dejn ċivili.

L-Avukati Herman Mula, Josè Herrera u Alexandra Mamo dehru għal Frankie Apap.

Ekonomija

Sport