Monday, March 2, 2026

SENTIMENT EKONOMIKU FL-OGĦLA LIVELL STORIKU

Fiduċja rekord, qgħad minimu u tkabbir li jsaħħaħ il-futur

Aqra wkoll

L-ekonomija Maltija qiegħda turi saħħa u reżiljenza b’sentiment ekonomiku li laħaq l-ogħla livell qatt ġie rreġistrat. F’mument meta diversi pajjiżi Ewropej għadhom jitħabtu ma’ tkabbir kajman u inċertezzi esterni, pajjiżna qiegħed jikkonsolida pożizzjoni ta’ stabbiltà, reżiljenza u direzzjoni ċara.

Skont l-Indiċi tal-Kundizzjonijiet tan-Negozju ppubblikat mill-Bank Ċentrali ta’ Malta, f’Jannar ir-rata tat-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali żdiedet marġinalment meta mqabbla max-xahar ta’ qabel u kienet ogħla mill-medja storika. Dan jikkonferma li l-momentum ekonomiku mhux biss qiegħed jinżamm, iżda qiegħed jissaħħaħ fuq bażi wiesgħa.

Fiduċja anke fuq livell Ewropew

Aktar minnhekk, l-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea laħaq l-ogħla livell irreġistrat qatt. Dan huwa xhieda ta’ fiduċja mhux biss minn ġewwa, iżda wkoll fuq livell Ewropew. In-negozji lokali qegħdin ibassru futur pożittiv u dan jirriżulta wkoll fl-Indikatur tal-Aspettattivi dwar l-Impjiegi li tela’ u jinsab ogħla mill-medja storika. Tant huwa hekk li hemm aspettattiva ta’ aktar xogħol u aktar investiment.

Fl-istess waqt, l-Indikatur tal-Inċertezza Ekonomika niżel għal livell storikament baxx. F’termini prattiċi dan ifisser li l-intrapriżi u l-familji qegħdin jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji b’serenità u b’fiduċja. F’kuntest internazzjonali fejn il-volatilità għadha realtà, dan huwa riżultat ta’ politika ekonomika prudenti u mmirata biex tipproteġi l-istabbiltà.

Huwa minnu li f’Diċembru l-produzzjoni industrijali naqset, iżda b’rata iżgħar minn qabel. Dan huwa sinjal li l-pressjonijiet qegħdin jonqsu. Fl-istess perjodu aċċellera t-tkabbir annwali fil-kummerċ bl-imnut, li huwa indikatur dirett tal-konsum domestiku. Meta l-familji jonfqu, dan ifisser li hemm fiduċja fid-dħul u fil-futur immedjat.

Fis-settur tas-servizzi kien hemm tnaqqis f’Novembru li reġġa’ lura parti mill-irkupru tax-xahar preċedenti. Iżda meta wieħed jara l-istampa sħiħa, dan jibqa’ settur li qiegħed iżomm livell għoli ta’ attività u li jkompli jkun pilastru ewlieni tal-ekonomija.

Ekonomija li qiegħda toħloq ix-xogħol

Is-suq tax-xogħol jibqa’ wieħed mill-aktar setturi b’saħħithom. Ir-rata tal-qgħad f’Diċembru kienet ta’ 3.2%. Għalkemm kien hemm żieda marġinali fuq Novembru, dan jibqa’ livell baxx minn perspettiva storika u wieħed mill-aqwa riżultati fl-Unjoni Ewropea. Dan jirrifletti ekonomija li qiegħda toħloq xogħol u li qiegħda żżomm livell għoli ta’ parteċipazzjoni.

Is-settur tal-proprjetà jikkonferma wkoll din il-fiduċja. F’Diċembru żdiedu l-permessi għal binjiet residenzjali fuq sena qabel filwaqt li f’Jannar, żdiedu kemm il-konvenji kif ukoll il-kuntratti ta’ bejgħ. Dan ifisser li d-domanda għadha soda u li hemm ċertezza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fit-tul.

Fuq livell finanzjarju, f’Diċembru żdiedet il-bidla fir-rata annwali tad-depożiti u tal-kreditu lir-residenti Maltin. Dan jindika sistema bankarja b’saħħitha u livell ta’ likwidità li jippermetti aktar investiment u konsum.

Rigward l-inflazzjoni, ir-rata annwali skont l-HICP kienet ta’ 2.3% f’Jannar, tnaqqis minn 2.5% fix-xahar ta’ qabel. L-inflazzjoni li teskludi l-enerġija u l-ikel kienet ta’ 2.2%, allinjata ma’ dik fiż-żona tal-ewro. Dan juri li l-pressjonijiet fuq il-prezzijiet huma taħt kontroll. Skont l-RPI, l-inflazzjoni kienet ta’ 2.5%, ukoll f’xejra ta’ tnaqqis.

L-istampa li toħroġ minn dawn iċ-ċifri hija konsistenti fejn l-ekonomija li qiegħda tikber, suq tax-xogħol huwa robust, l-inflazzjoni hija kkontrollata u l-fiduċja laħqet livelli rekord. Dawn ir-riżultati pożittivi huma frott ta’ tmexxija li poġġiet l-istabbiltà u l-investiment fiċ-ċentru tal-politika tagħha.

F’perjodu delikat għall-Ewropa, Malta qiegħda turi li b’direzzjoni ċara u deċiżjonijiet responsabbli, il-pajjiż jista’ mhux biss jirreżisti l-isfidi iżda joħroġ aktar b’saħħtu. Din hija realtà mibnija fuq fatti u ċifri u fuq fiduċja li qatt ma kienet daqshekk għolja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport