Ilbieraħ saret l-ewwel laqgħa fil-komunità, bħala parti minn proċess wiesgħa ta’ konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma tal-midja soċjali fejn ġie kkonfermat il-ħtieġa ta’ regolamentazzjoni aħjar tal-midja soċjali biex ikunu mħarsa t-tfal u l-persuni vulnerabbli.
Fil-laqgħa li tmexxiet mis-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg ħadu sehem diversi ġenituri, żgħażagħ, anzjani, ħaddiema mill-oqsma soċjali, xandara, akkademiċi, NGOs u professjonisti li taw il-fehmiet tagħhom fil-preżenza tal-membri tal-kumitat tekniku li qiegħed isegwi dan il-proċess.
Il-mod kif uħud mit-tfal qed jaċċessaw il-midja soċjali mingħajr superviżjoni, il-ħtieġa ta’ iktar għarfien fost il-ġenituri, u kif l-algoritmi qiegħdin jikkundizzjonaw u jimmanipulaw lill-utenti kienu fost it-temi ewlenin mqajma fil-laqgħa.
Saru suġġerimenti kif ir-riforma trid issir b’kawtela filwaqt li oħrajn saħqu li s-sistema edukattiva trid tipprepara t-tfal minn età żgħira dwar kif għandhom jużaw il-midja soċjali b’għaqal.
Persuni oħra qajmu r-realtà tal-bullying fuq il-midja soċjali, u l-ħtieġa li nassiguraw is-saħħa u s-sigurtà tat-tfal qabel kull interess ieħor. Oħrajn tkellmu dwar il-bżonn li t-tfal jkollhom ħajja attiva, inkluż bi sports u attivitajiet ekstra-kurrikulari u biex inaqqsu s-siegħat li qegħdin jkunu fuq il-midja soċjali.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li din il-laqgħa tikkumplimenta sensiela ta’ laqgħat ma’ partijiet ikkonċernati u esperti li l-kumitat tekniku qiegħed ikollu b’rabta mal-Green Paper li l-Gvern ippubblika għall-konsultazzjoni pubblika.
Hija qalet li filwaqt li l-Gvern qiegħed isegwi riformi li qegħdin jagħmlu diversi pajjiżi, inkluż l-Unjoni Ewropea, irid li f’din il-konsultazzjoni jisma’ wkoll l-ideat u l-proposti ħalli r-riforma tkun tirrifletti r-realtajiet lokali.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li l-kumitat li ħatret qiegħed jiġbor ir-reazzjonijiet u l-proposti kollha biex iħejji rapport bir-rakkomandazzjonijiet għar-riformi tal-midja soċjali.
“Hija riforma li tolqot lil kulħadd. Mill-mument li nedejna din ir-riforma rajna influss ta’ kummenti minn persuni diversi. Ħafna kellmuna dwar pressjonijiet tal-midja soċjali, fl-istess ħin ma nistgħux ngħidu li fiha kollox ħażin. Irridu nirrikonoxxu li għandha t-tajjeb u għandha l-ħażin u rridu nagħmlu xi ħaġa. Id-domanda hija x’se nagħmlu mhux jekk hux se nagħmlu xi ħaġa,” qalet Rebecca Buttigieg.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg raddet ħajr lil dawk kollha li intervjenew fil-laqgħa u ħeġġet lil kulħadd biex jibqa’ jgħid tiegħu tul dan il-proċess. Tenniet li l-interess tal-Gvern żgur li mhuwiex li joħnoq il-libertà tal-espressjoni, iżda li jkunu mħarsa t-tfal u persuni vulnerabbli.
Il-laqgħa li jmiss dwar dan is-suġġett se tkun qed issir fl-4 ta’ Frar fi Pjazza 1902, f’Pembroke u dawk li jixtiequ jagħmlu sottomissjoni bil-miktub jistgħu jidħlu fuq www.publicconsultation.gov.mt.

