Stħarriġ li ġie ppubblikat dwar is-Sentiment tan-Negozji f’Għawdex wera li l-kundizzjonijiet tal-gżira baqgħu pożittivi b’mod ġenerali matul l-aħħar sitt xhur li għaddew.
Dan hu t-tielet stħarriġ tax-xorta tiegħu li sar b’mod konġunt bejn l-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex u l-Kamra tan-Negozju għal Għawdex u li sar f’Marzu li għadda.
L-istħarriġ juri kif bejn Settembru u Marzu li għaddew, 30% tan-negozji f’Għawdex indikaw titjieb u pożittività fil-kundizzjonijiet u l-aspetattivi tagħhom.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ ukoll li kien hemm tnaqqis sinifikanti f’dawk in-negozji f’Għawdex li kienu qalu li n-negozju tagħhom kien sejjer lura. Fl-istħarriġ li kien sar fis-sitt xhur ta’ qabel kien hemm 20% li kienu indikaw titjieb… u allura f’sitt xhur dan l-ammont żdied b’10%.
Ġie rraportat ukoll li 41% tan-negozji f’Għawdex qegħdin jistennew titjib fis-sitt xhur li ġejjin, u dan juri żieda fuq l-istħarriġ ta’ qabel meta dan kien jgħodd għal 20%. Dawk li jistennew deterjorament naqsu għal 9% minn 31%. Il-bilanċ nett ta’ dawk li jistennew titjib huwa ta’ 33%, l-ogħla sa issa.
Meta wieħed jara s-setturi li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ joħroġ li s-settur tas-servizzi irreġistra l-ogħla bilanċ pożittiv nett,b’sentiment partikolarment b’saħħtu fis-settur tal-akkomodazzjoni u l-ikel.
Imbagħad, is-setturi tal-manifattura u kostruzzjoni u anke s-settur tas-servizzi, b’mod partikolari dawk relatati mat-trasport u storage irreġistraw bilanċi netti pożittivi ta’ 17% u 15% rispettivament.
Fl-istess stħarriġ ġie rraportat li 54% tan-negozji f’Għawdex indikaw li l-kundizzjonijiet tagħhom baqgħu stabbli.
Intant, ġie nnutat ukoll li n-nuqqas ta’ ħaddiema hija l-akbar sfida li qegħdin iħabbtu ma’ wiċċhom in-negozji Għawdxin l-aktar dawk li jħossu dan huma dawk li jaħdmu fis-settur tal-kosturzzjoni u anke dawk relatati mat-turiżmu. B’mod ġenerali, 53% identifikaw din bħala sfida, żieda meta mqabbla ma’ 46% f’Settembru 2024.
36% tan-negozji indikaw iż-żieda fl-ispejjeż bħala sfida. In-numru ta’ negozji li qed jindikaw dan kompla jonqos u issa jinsabu madwar nofs dak irrapportat f’Settembru 2023. Is-setturi l-iktar impattati huma dawk tat-trasport, kostruzzjoni u akkomodazzjoni u ikel.