Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar li fil-jiem li ġejjin, ħa tkun qed tinħareġ sejħa pubblika għal servizz ta’ drones sabiex jiġi stabbilit trasferiment spedit ta’ materjal farmaċewtiku u bijoloġiku bejn l-Isptar Mater Dei u l-Isptar Ġenerali t’’Għawdex. Dr Abela spjega kif fl-aħħar xhur l-Uffiċċju tal-Uffiċjal Mediku Ewlieni flimkien mal-Isptar Ġenerali t’Għawdex ħadmu sabiex jiġi strutturat dan it-tender.
“Is-servizz tad-drones mistenni jittratta għexieren ta’ pazjenti Għawdxin f’Għawdex stess u jtaffi l-iskariġġ żejjed lilhom u l-familjari tagħhom,” tenna Dr Abela. B’dan il-mezz ta’ trasport innovattiv huwa mistenni li ħdax il-mediċina tat-tip monoclonal antibodies ħa jkunu trasferiti b’mod regolari, sigur u spedit sabiex aktar pazjenti jirċievu l-kura li għandhom bżonn f’taqsima li ħa tiġi estiża fid-Day Care Unit tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
“Dan il-proġett jorbot ma’ estensjoni fl-infrastruttura li bħalissa stess qed tikber biex tkun tista’ tospita ħmistax il-pazjent flok sitta,” żied jgħid il-Ministru Abela.
Dr Abela faħħar l-isforzi tad-Dipartimenti tal-Farmaċija u l-Patoloġija taż-żewġ sptarijiet filwaqt li esprima apprezzament għal pariri esperti mit-Trasport Malta, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u uffiċjali mir-Renju Unit. Dan il-mezz ta’ trasport ħa jservi wkoll sabiex kampjuni tad-demm, fluwidi u tessuti jkunu jistgħu jitwasslu b’mod mgħaġġel li jirriżulta f’dijanjosi robusta li twassal għal-livell ta’ kura aħjar. Għaldaqstant, dan it-tender huwa maħsub li, permezz tad-drones, jingħaqdu l-entitajiet kollha fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, fosthom San Vinċenz de Paul u ċ-Ċentru Ċensu Moran.
“Dan huwa pass storiku għas-saħħa tal-Għawdxin f’Għawdex stess fejn ħa ninvestu ’l fuq minn miljun ewro fis-sentejn li ġejjin, biex inżidu l-kumdità u l-kwalità tal-kura f’Ghawdex,” temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.

