Friday, December 27, 2024

Ser tirdoppja l-kapaċità taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni f’Marsaskala

Aqra wkoll

It-tekniċi u l-inġiniera ta’ Enemalta plc għaddejjin bl-aħħar xogħlijiet tal-proġett tal-estensjoni taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni f’Marsaskala, b’investiment t’aktar minn €2.5 miljun.

F’dawn l-aħħar ġimgħat, il-Kumpanija poġġiet f’postu transformer ġdid b’kapaċita ta’ 22.5MVA li jiżen kważi ħamsin tunnellata. B’hekk dan iċ-ċentru issa għandu tliet transformers sabiex b’hekk ser tirdoppja l-kapaċità ta’ dan iċ-ċentru u tiżdied il-flessibilità biex tipprovdi s-servizzi tagħha lill-klijenti f’dawn l-inħawi.

Dan iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni huwa ħolqa oħra importanti fin-network tad-
distribuzzjoni tal-elettriku nazzjonali għaliex iwassal il-provvista’ tal-elettriku lil eluf ta’residenti u negozji fl-inħawi ta’ Marsascala, Żejtun, Marsaxlokk, Ħaż-Żabbar u x-Xgħajra.

F’dawn l-aħħar snin, l-iżvilupp kemm residenzjali kif ukoll kummerċjali f’Marsascala u l-madwar ġab miegħu żieda fid-domanda għall-elettriku. Għaldaqstant, din iż-żona kienet waħda mill-prioritajiet ta’ Enemalta fit-twettiq tal-Pjan fit-tul tagħha għat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tagħha li bdiet fix-xhur li għaddew.

Il-proġett jinvolvi t-tkabbir taċ-ċentru kif ukoll l-immodernizzar tat-tagħmir fosthom bis-switchgear ġdid tal-11kV u 33kV. Wara li tlestu t-testing li għaddej bħalissa, Enemalta tkun tista’ tikkummissjona u tibda tuża’ t-transformer il-ġdid fil-ġimgħat li ġejjin. Proġett simili diġà sar fiċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni ta’ Ħal Tarxien. Sadanittant għaddej proġett ieħor simili fiċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Imrieħel.

Dawn ix-xogħlijiet ta’ tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni li twassal l-elettriku lill-klijenti huma parti mill-pjan b’investimenti ta’ €90 miljun fuq sitt snin li Enemalta ħabbret aktar kmieni din is-sena. Fl-aħħar xhur il-Kumpanija wettqet diversi interventi ta’ tisħiħ tal-provvistà tal-elettriku f’diversi lokalitajiet kemm b’cables ta’ vultaġġ għoli, ġodda u anke bit-tibdil ta’ wires fit-toroq, kif ukoll bl-introduzzjoni ta’ 25 substation ġdida f’diversi lokalitajiet kemm f’Malta u anke f’Għawdex.

Ekonomija

Sport