Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li wara s-suċċess tal-ewwel tliet edizzjonijiet, se jerġa’ jittella’ l-Gozo Film Festival fiċ-Ċittadella ġewwa r-Rabat, Għawdex. Huwa qal li dan l-avveniment, imtella’ bl-għajnuna tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, huwa mqassam fuq tlett ijiem sabiex jippromwovi talenti ċinematografiċi kemm lokali kif ukoll barranin.
Clint Camilleri stqarr li “Il-Gozo Film Festival sar avveniment imfittex minn ħafna b’mod speċjali dawk li għandhom għal qalbhom il-films, speċjalment dawk li nħadmu lokalment f’Malta u f’Għawdex. Huwa avveniment ieħor li ħa postu mal-attivitajiet kulturali li jittellgħu kull sena u jiġbdu lejhom bosta persuni.”
Min-naħa tiegħu l-organizzatur tal-film festival Federico Chini spjega li dan il-festival se jinkludi divesi attivitajiet interessanti u apparti wiri ta’ films, se jkun hemm fost oħrajn workshops fuq il-produzzjoni tal-films u avvenimenti għat-tfal. Id-dħul huwa mingħajr ħlas.
Il-Ministru Clint Camilleri ħeġġeġ lil kull min għandu għal qalbu l-films sabiex jattendi għal dan il-festival u awgura li bħas-snin preċedenti l-Gozo Film Festival jerġa’ jkun wieħed ta’ suċċess.